It-Tnejn filgħodu Joseph Azzopardi beda l-ħidma tiegħu bħala l-Prim Imħallef ġdid tal-Qrati ta’ Malta.
Kuntrarju għall-passat, l-ewwel seduta ma kinitx biss waħda simbolika hekk kif fi tmiemha Azzopardi kompla bis-smiegħ ta’ każi oħra biex fi kliemu jwassal messaġġ li fil-Qorti hemm ħafna xogħol xi jsir b’każi li ilhom żmien twil fuq l-ixkaffa.
Waqt li fost l-oħrajn indirizza lill-Ministru Owen Bonnici, responsabbli mill-Ġustizzja, Azzopardi attribwixxa l-lista dejjem itwal ta’ każi għall-ammont ikbar ta’ każi li qed jinqatgħu fil-Prim Awla, il-Qorti Ċivili u każi kostituzzjonali.
Dan apparti każi li jkollhom jinstemgħu b’urġenza, bħal każi ta’ separazzjoni u divorzju, kif ukoll dawk dwar kuntratti tal-Gvern li ma jistawx jistennew.
Il-Prim Imħallef, li hu nieqes mill-kontroversja u rispettat minn ħafna, uża l-ewwel diskors tiegħu anke biex iċċajta ma’ dawk preżenti, fosthom avukati li studja magħhom matul il-kors tal-liġi, waqt li wiegħed li jibqa’ jaħdem b’umiltà fit-terminu qasir tiegħu.
//= $special ?>