Il-Pulizija fl-Istat ta’ Jharkhand qed iżżomm raġel taħt arrest, wara li tfajla ta’ 17-il sena spiċċat f’sitwazzjoni kritika wara li spiċċat stuprata u mogħtija n-nar.
Din hi t-tieni darba ta’ każ simili f’Jharkhand f’temp ta’ jiem wara li tifla oħra — li wkoll kienet spiċċat stuprata u ‘maħruqa ħajja’ — mietet nhar il-Ħadd li għadda.
Sadattant, il-pulizija ma indikawx konnessjoni bejn iż-żewġ inċidenti, meta mill-Indja ħerġin dejjem aktar rapporti dwar ‘sensiela ta’ reati sesswali vjolenti’.
Il-pulizija żvelaw, sadattant, li r-raġel arrestat qalilhom ‘li hu xtaq li jiżżewweġ lill-vittma u li din ma kenitx lesta għaż-żwieġ’. Intant, il-pulizija qalu wkoll li s-suspettat ‘attakka lil din it-tfajla meta hi kienet fid-dar ta’ membru tal-familja tagħha, f’villaġġ fid-distrett ta’ Pakur’.
Fl-istess ħin qed jingħad li l-allegat aggressur kien ġar tal-vittma u li dan ‘stenna sakemm it-tfajla kienet waħedha, qabel daħal bil-forza fid-dar li kienet fiha u stupraha qabel taha n-nar u telaq mill-post’.
Il-ġirien li semgħu l-għajjat tat-tfajla wieġbu minnufih għall-emerġenza u ħaduha tiġri l-isptar fejn it-tobba ddikjarawha f’periklu tal-mewt.
Il-poplu Indjan, fil-preżent, jinsab mgħaddab dwar diversi każi ta’ stupru li jinkludu każ partikularment terribbli li kien jinvolvi l-qtil ta’ tifla ta’ tmien snin.
B’riżultat tal-protesti popolari, il-Kabinett Indjan approva l-introduzzjoni tal-piena tal-mewt għall-irġiel li jistupraw it-tfal.
Każ ieħor ta’ stupru fl-Indja fejn il-vittma ngħatat in-nar


