Lokali Parlament

L-ebda rregolarità mill-eks Segretarju Parlamentari Jason Azzopardi

Wara aktar minn sena ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-eks Segretarju Parlamentari u Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma nstab li wettaq l-ebda irregolarità la amministrattiva, legali jew etika fil-każ tal-iskema biex issir sid ta’ darek.

Anzi kien propju f’dan iż-żmien li Jason Azzopardi kien Segretarju Parlamentari li l-problema ta’ mijiet ta’ persuni li kienu ilhom għexieren ta’ snin fuq konvenju bdiet tiġi indirizzata.

Fil-fatt l-informazzjoni li għaddiet għand l-NAO ma kkunsidratx il-kuntest storiku, legali u amministrattiv marbut ma’ dan il-każ. Dawn il-fatturi kellhom sehem kruċjali biex kien determinat l-andament tal-investigazzjoni li ma sabitx  evidenza li tikkorrobora l-allegazzjonijiet u l-implikazzjonijiet li saru fl-ittra anonima fil-konfront ta’ Jason Azzopardi.

In-negozjati għax-xiri tal-proprjetà mill-eks Segretarju Parlamentari bdew wara d-dikjarazzjoni tal-Gvern fil-Budget 2010 li kien se jindirizza każijiet pendenti tal-iskema sir sid ta’ Darek.

Din l-investigazzjoni żvelat ukoll li l-proċessi biex jikkonkludu l-akkwist ta’ artijiet għall-finijiet tal-iskema, segwew ir-rekwiżiti legali u amministrativi. Il-pagamenti dovuti lis-sidien ta’ artijiet esproprijati kienu wkoll skont il-kriterji.