Lokali

L-ispettur tal-Pulizija Elton Taliana jirbaħ libell fil-konfront tal-gazzetta MaltaToday

Il-qorti tat raġun lill-Ispettur Elton Talian u ġiegħlet lill-gazzetta Malta Today tħallas f’danni is-somma ta’ €2,000 wara kawża ta’ libell fejn instab li l-informazzjoni ppublikata kienet informazzjoni mhux pruvata.

Elton Taliana kien ressaq dan il-libell ħames snin ilu b’reazzjoni għall-artiklu fil-gazzetta f’Awwissu ta’ ħames snin ilu.

Fl-artiklu kien intqal kif Elton Taliana kien investigat internament fil-korp tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li hu kien kellem lil Darryl Luke Borg qabel ma ssejjaħ biex jixhed f’inkjesta dwar il-każ li fih hu spiċċa tressaq quddiem il-qorti bi żball akkużat b’serqa.

Ingħad ukoll li Taliana flimkien ma tliet uffiċjali tal-Pulizija oħrajn  kien ressaq lil Darryl Luke Borg bi żball. Il-MaltaToday kienet ukoll rabtet lil Taliana b’attakk meta tqabbad l-bieb tal-editur Saviour Balzan  fl-2007.

Il-Qorti qalet li nnutat li l-pulizija ma tatx il-file personali ta’ Elton Taliana,  u dan kien fatt li seta’ pregudika din l-investigazzjoni. Madankollu kien Taliana stess li ppreżenta l-file tiegħu fil-Qorti biex inaddaf ismu.

Fil-fatt il-file kien ikkonferma li kienet l-eks Mara ta’ Taliana li għamlet ir-rapporti fil-konfront tiegħu.

Il-qorti nnutat li ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront ta’ Elton Taliana. Fil-fatt kienet l-eks mara ta’ Taliana stess li għamlet ir-rapport dwar l-attakk fuq il-bieb tad-dar ta’ Saviour Balzan,  xi ħaġa li anke l-investigaturi kienu infurmaw lil Balzan li Taliana ma kellu x’jaqsam xejn.

Fid-dawl tal-evidenza kollha provduta, il-maġistrat Fracesco Depasquale kkonkluda li l-artiklu kien ibbażat fuq allegazzjonijiet iktar milli fatti u kienu intenzjonati biss li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-ispettur Taljana. Għalhekk il-Qorti ordnat lill-ġurnal biex tħallas is-somma ta’ 2,000 ewro.