Sport Sport Ieħor

Mark Williams jirbaħ il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker għat-tielet darba

Mark Williams bit-trofew tal-Kampjonat tad-Dinja (Ritratt: Getty Images)

Mark Williams rebaħ il-Kampjonat tad-Dinja għat-tielet darba fil-karriera wara li għeleb lil John Higgins 18-16 fil-finali li ntlagħbet fi Crucible Theatre f’Sheffield, f’dik li żgur se tkun meqjusa bħala waħda mill-isbaħ finali fl-aħħar snin.

Williams li għandu 43 sena, sar l-ixjaħ rebbieħ minn meta Ray Reardon ukoll minn Wales, kellu 45 sena meta rebaħ fl-1978. Dan is-suċċess wasal 15-il sena wara li kien rebaħ it-tieni titlu tiegħu, bl-ewwel wieħed jasal lura fl-2000.

Williams rebaħ seba’ frames konsekuttivi biex ħa vantaġġ ta’ 14-7, iżda Higgins wieġeb u wara li t-tielet sessjoni ntemmet 15-10, fis-sessjoni tal-bieraħ filgħaxija, rebaħ ħames frames konsekuttivi biex għamel l-iskor indaqs. Williams wieġeb b’żewġ rebħiet konsekuttivi, iżda Higgins baqa’ jittama b’rebħ ta’ frame b’mod drammatiku. Madankollu li Williams rebaħ l-34 frame biex għalaq il-logħba.

Dan kien l-aktar riżultat viċin minn meta Shaun Murphy kien għeleb lil Matthew Stevens bl-istess skor, lura fl-2005. Il-plejer minn Wales rebaħ rekord ta’ madwar €483,000 biex tella t-total ta’ rebħ din is-sena għal aktar minn €850,000.

Il-mixja ta’ Williams kien ukoll messaġġ ta’ kuraġġ għal diversi sportivi. Sena ilu ma kienx ikkwalifika għal dan l-akbar tournament u kien ikkunsidra li jirtira, iżda bidel fehmtu diskussjoni mal-mara tiegħu.

Din id-deċiżjoni spiċċat biex kienet ta’ ispirazzjoni hekk kif rebaħ żewġ titli dan l-istaġun, sitt snin wara l-aħħar wieħed, u b’dan is-suċċess b’kollox Williams rebaħ 21 unur fil-karriera.

Tags