Sport

Milorad Mazic se jikkontrolla l-finali taċ-Champions League

Is-Serb Milorad Mazic inħatar mill-UEFA biex jikkontrolla l-finali tal-UEFA Champions League bejn Real Madrid u Liverpool li se tintlagħab is-Sibt 26 ta’ Mejju fl-Istadium Olimpiku ta’ Kiev.

Mazic li għandu 45 sena, ilu referee internazzjonali mill-2009 u din is-sena kkontrolla erba’ logħbiet taċ-Champions League u żewġ logħbiet tal-Europa League dan l-istaġun.

Hu wkoll ikkontrolla l-finali tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet tas-sena l-oħra bejn iċ-Ċili u l-Ġermanja, kif ukoll il-UEFA Super Cup tal-2016 bejn Real Madrid u Sevilla. Mazic se jkun assistit minn Milovan Ristic u Dalibor Djurdjevic, bil-Franċiż Clement Turpin se jkun ir-raba’ uffiċjal.

Intant, ir-referee Olandiż Bjorn Kuipers se jikkontrolla l-finali tal-Europa League bejn Olympique Marseille u Atletico Madrid li se tintlagħab l-Erbgħa 16 ta’ Mejju f’Lyon fi Franza. Din se tkun it-tieni darba li Kuipers ikkontrolla finali tal-Europa League, wara li fl-2013 kien ikkontrolla l-finali bejn Chelsea u Benfica.