Internazzjonali

40 sena mill-qtil ta’ Aldo Moro

Riċerka u dettalji miġbura minn Ray Miceli

Kmieni filgħodu fid-9 ta’ Mejju 1978 il-ġisem mejjet ta’ Aldo Moro nstab fil-bagoll ta’ karozza wara li kien ilu 55 ġurnata miżmum ostaġġ tal-Brigate Rosse. Biex ifakkar dan l-avveniment RAI1 llum se jiddedika s-serata kollha għall-memorja tiegħu. Qed isejħilha ‘La notte di Moro’.

Fit-8.30pm se jkun hemm dokumentarju dwaru. Wara fid-9.25pm se jintwera film, jew aħjar docu-fiction, li għadu kif inħadem u li għandu lil Sergio Castellitti fil-parti tal-politiku Taljan ferm rispettat.

Ir-reġija hi ta’ Francesco Micciche. Wara se nkun hemm ukoll edizzjoni ta’ ‘Porta a porta’ li wkoll mistenni li tiffoka fuq Aldo Moro. Nies li kienu qrib tiegħu jiddeskrivu lil Moro bħala Nisrani li jħares lejn il-bniedem uman bħala persuna, u li ma jagħmlux bih it-tikketti jew titli. Għalih it-titli ta’ liberali, kommunist, faxxist u oħrajn setgħu qatt ma eżistew. Kien bniedem ġenwin. Biss dan naturalment ma kienx jogħġob lil kulħadd. Kien hemm min stenna mod ieħor minnu. U forsi għalhekk spiċċa l-mod mif spiċċa.

Messaġġ għall-Indipendenza ta’ Malta
F’Aldo Moro Malta kellha ħabib kbir u minnu gawdiet mhux ftit. Esprima l-ferħ kbir tiegħu meta f’Settembru 1964 Malta saret pajjiż sovran. Kien għamel messaġġ apposta li xxandar fuq it-televiżjoni Taljan fejn qal li jilqa’ lill-arċipelagu Malti bħala pajjiż ħieles fi ħdan il-komunità internazzjonali. Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier, xah-rejn biss wara kien għamel żjara uffiċjali f’Ruma u f’Palazzo Chigi ltaqa’ ma’ Aldo Moro, li dak iż-żmien kien il-Prim Ministru Taljan.

Żar Malta kemm-il darba
Meta tela’ l-Gvern ta’ Mintoff u dan minnufih għalaq il-bażi tan-NATO f’Malta, Moro kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan. Moro, flimkien ma’ oħrajn mill-pajjiżi interessati fil-kwistjoni, kien għen biex f’Marzu 1972 intlaħaq ftehim. Fit-23 u l-24 ta’ Mejju 1972 Moro kien ġe Malta b’delegazzjoni mdaqqsa miegħu ta’ 18-il persuna minn setturi differenti. Fost oħrajn kienu diskussi kif jistgħu jkomplu jissaħħu l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’oqsma bħax-xjenza u l-iżvilupp tekniku li diġà kienu nbdew bi ftehim bilaterali tal-1967. Intlaħaq ukoll ftehim finanzjarju u ta’ koperazzjoni ekonomika.

Ingħatat somma sew biex ikun jista’ jinxtara apparat għall-iskola teknika Umberto Calosso f’Santa Venera. Kien deċiż li titwaqqaf il-Missjoni Militari Taljana f’Malta biex tkun tista’ tassisti u wkoll tħarreġ lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Din fil-fatt bdiet il-ħidma tagħha f’Malta fis-sajf tal-1973.

L-Istituto Italiano di Cultura
Intlaħaq ukoll ftehim biex l-Istituto Italiano di Cultura, li diġà kien jiffunzjona hawn Malta, jiċċaqlaq għall-bini maestuż f’Misraħ San Ġorġ il-Belt li qabel kien il-Kanċellerija l-Qadima.

L-inawgurazzjoni saret f’Ġunju 1974 minn mart il-President Sir Anthony Mamo. Aldo Moro kien għażel li jiġi Malta apposta għall-okkażjoni u anki qara messaġġ li ħejja. Triq prinċipali fil-Marsa ssemmiet proprju għal Aldo Moro biex tibqa’ bħala tfakkira permanenti tal-ħbiberija sinċiera li kellu dan il-politiku għal pajjiżna.

Laqgħat ma’ politiċi Maltin miż-żewġ naħat
Sadanittant laqgħat bejn Moro u politiċi Maltin miż-żewġ naħat kienu xi ħaġa regolari u fost dawk li kellhom laqgħat privati jew uffiċjali miegħu kien hemm Guido de Marco. Ċensu Tabone, Ugo Mifsud Bonnici u Eddie Fenech Adami. Ftit biss wara l-mewt ta’ Aldo Moro, il-Laboratorju tal-Paċi Papa Ġwanni XXIII ta’ Ħal Far kien stieden lil ħu l-politiku Taljan, il-Maġistrat Carlo Alfredo Moro, li hu disa’ snin iżgħar minn Aldo, biex jattendi għall-Konferenza Ġenerali Ann-wali u anki jitwassallu messaġġ ta’ solidarjetà għat-telfien ta’ ħuh f’dak il-mod kodard u krudil.

Dati importanti f’ħajtu

1916, 23 ta’ Settembru: twieled f’Maglie, Apulia

1945: iżżewweġ lil Eleonora Chiavarelli u kellhom erbat itfal

1945, 25 ta’ Ġunju sa 9 ta’ Mejju 1978: Membru fil-Kamra tad-Deputati għall-kostitwenza ta’ Bari

1955, 5 ta’ Lulju sa 15 ta’ Mejju 1957: Ministru għall-Ġustizzja

1957, 19 ta’ Mejju sa 15 ta’ Frar 1959: Ministru għall-Edukazzjoni Pubblika

1959 Marzu sa Jannar 1964: Segretarju tad-Democrazia Cristiana

1963: beda jgħallem il-Liġi u l-Proċedura Kriminali fl-Università La Sapienza ta’ Ruma

1963, 4 ta’ Diċembru sa 24 ta’ Ġunju 1968: okkupa l-kariga ta’ Prim Ministru għall-ewwel darba

1964, 28 ta’ Diċembru sa 5 ta’ Marzu 1965: Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin

1965, 30 ta’ Diċembru sa 28 ta’ Frar 1966: Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin

1969, 5 ta’ Mejju sa 29 ta’ Lulju 1972: Ministru għall-Affarijiet Barranin

1973, 7 ta’ Lulju sa 23 ta’ Novembru 1974: Ministru għall-Affarijiet Barranin

1974, 23 ta’ Novembru sa 29 ta’ Lulju 1976: reġa’ kien Prim Ministru tal-Italja

1978, 16 ta’ Marzu: maħtuf ostaġġ mill-Brigate Rosse

1978, 9 ta’ Mejju: misjub mejjet fil-bagoll ta’ karozza