Futbol Sport

Branko Nisevic jinħatar assistent kowċ tat-tim nazzjonali

Branko Nisevic flimkien ma' Ray Farrugia (Ritratt: Domenic Aquilina)

Branko Nisevic inħatar assistent kowċ tat-tim nazzjonali. Nisevic li għandu 46 sena diġà beda jaħdem mal-kowċ nazzjonali Ray “Żażu” Farrugia bi preparazzjoni għall-kamp ta’ taħriġ li jibda l-ġimgħa d-dieħla fit-training grounds f’Ta’ Qali u jkompli fl-Awstrija lejn tmiem ix-xahar.

Dan se jkun ritorn għal Nisevic fl-istaff tekniku tal-MFA wara li kien kowċ tat-tim ta’ taħt is-17-il sena kif ukoll assistent ta’ Pietro Ghedin bejn l-2011 u l-2013.

“Ninsab kuntent li Branko aċċetta l-proposta tagħna biex isir l-assistent kowċ nazzjonali. Naf lil Branko tajjeb ħafna għaliex kont kowċ tiegħu ma’ Pietà Hotspurs kif ukoll ma’ Sliema Wanderers. Konna flimkien ukoll fl-ewwel kors tal-UEFA Pro. Ma għandi l-ebda dubju li bl-esperjenza u t-tagħrif tekniku tattiku, Branko se jkun importanti għat-tim nazzjonali,” qal Farrugia lis-sit tal-MFA.

Nisevic li hu mis-Serbja, lagħab ħafna mill-karriera f’pajjiżna ma’ Sliema Wanderers, Hibernians, Valletta, Pietà Hotspurs u Birkirkara qabel ma rtira u beda karriera fil-kowċing. Minbarra l-impenji mat-timjiet nazzjonali, Nisevic kien assistent kowċ ma’ Birkirkara, rebaħ il-kampjonat ma’ Hibernians fl-istaġun 2014/2015 u kien għal perjodu qasir ma’ Gżira United.

“Ninsab onorat li kont offrut din il-kariga u qed inħares b’ottimiżmu li naħdem ma’ Ray u l-membri l-oħra tal-istaff. Jien konxju li t-tim nazzjonali għaddej minn perjodu diffiċli iżda din hi raġuni oħra għalina biex nagħtu l-aħjar u ngħollu l-livell tat-tim nazzjonali.

Sadanittant, Ronald Vella li diġà jifforma parti mill-istaff tekniku tal-MFA, ingħaqad fl-istaff ta’ Farrugia, b’Luca Pagani u Charles Sciberras ikunu konfermati bħala physical trainer u kowċ tal-gowlkipers rispettivament.