Internazzjonali

Franza: Il-Festival ta’ Cannes għaddej minn riħ ta’ bidla

 

Il-Festival tal-Films ta’ Cannes, li hu fost l-aktar avvenimenti prestiġjużi fid-dinja tal-ispettaklu, din is-sena introduċa miżuri li biegħduh mill-format tas-snin preċedenti.

F’dan il-festival, li beda llum u jkompli sas-19 ta’ Mejju, mhumiex se jsiru aktar screenings bil-quddiem għall-istampa fir-rigward tal-films li se jkollhom il-premiere dinji f’dawn il-jiem.

L-organizzaturi tal-Festival anki se jaħdmu flimkien mal-Gvern Franċiż biex imexxu helpline għan-nisa li jirrappurtaw każi ta’ fastidju sesswali. Dan wara l-allegazzjonijiet li l-produttur tal-films Amerikan, Harvey Weinstein, stupra attriċi waqt li abbuża lil nisa oħra meta attenda edizzjonijiet tal-Festival fil-passat. Min-naħa tiegħu, Weinstein qed jiċħad li kien involut f’xi attività sesswali ‘mingħajr il-kunsens tal-persuna l-oħra.’.

Dan il-Festival ta’ Cannes hu anki l-ewwel li qed isir mindu l-industrija tal-films inqabdet fl-iskandlu tal-fastidju sesswali b’diversi movimenti għal kontra l-isfruttament tal-mara mistennija jkunu punt ta’ riferiment (waqt il-Festival) fil-jiem li ġejjin.

Il-preżenza tan-nisa, din is-sena, hi waħda sinifikanti, meta l-ġurija għall-kompetizzjoni ewlenija fil-Festival ta’ Cannes qed titmexxa mill-attriċi ( u rebbieħa tal-Oscar) Cate Blanchet, waqt li tinkludi fost oħrajn lill-attriċi Franċiża, Lea Seydoux, li hi fost il-ħafna nisa (atturi) li akkużaw lil Weinstein dwar persekuzzjoni b’intenzjoni sesswali. Mara oħra fuq din il-ġurija hi Kristen Stewart tas-sensiela tal-films Twilight.

Fil-Festival ta’Cannes ta’ din is-sena hemm  21 film li qed jikkompetu għall-akbar unur fosthom Three Faces, tad-direttur Iranjan, Jafar Panahi li kien ipprojbit milli jħalli pajjiżu. Films oħra li qed jistennew il-premiere dinji huma The House That Jack Built tad-direttur Daniż Lars von Trier; Everybody Knows, bl-artisti Javier Bardem u Penelope Cruz u The Man Who Killed Don Quixote ta’ Terry Gillam.