Internazzjonali

IL-BELĠJU: Il-kantanta Maurane misjuba mejta f’darha

 

Il-kantanta magħrufa Belġjana, Maurane, mietet fl-età ta’ 57 sena ftit jiem biss wara li hi irritornat biex tkanta fuq il-palk wara nuqqas ta’ sentejn.Maurane instabet mejta fid-dar tagħha f’Schaerbeek, qrib Brussell, u waqt li ma ssemmiet l-ebda kawża, mewtha mhix titqies bħala waħda suspettuża.

Fl-aħħar snin, Maurane kienet l-aktar magħrufa għar-rwol f’Nouvelle Star, li hu programm televiżiv li jippromwovi lill-kantanti żgħażagħ u li hu segwit ħafna fil-Belġju.

Maurane kellha tieqaf mill-kant, fl-2016, minħabba problemi bil-vuċi iżda fi tmiem il-ġimgħa hi ħadet sehem f’kunċert li sar b’tislima lill-mibki Jacque Brel; wieħed mill-aqwa kantanti-kompożituri li qatt ipproduċa l-Belġju.

L-akbar suċċess għal din il-kantanta, li kienet qed tippjana sensiela ta’ kunċerti fl-2019, hi l-kanzunetta Tu Es Mon Autre, bil-parteċipazzjoni tal-kantanta Kanadiża-Belġjana Lara Fabian. Il-kanzunetta li ħarġet fl-2002 kienet innominata għall-kanzunetta tas-sena waqt l-avveniment Victoires de la Musique, fi Franza.