Lokali Mużika

Il-ħolma ta’ Christabelle se sseħħ

L-intervista li kienet dehret fis-suppliment tat-tfal ‘Qrempuċu’ f’In-Nazzjon tal-20 ta’ Lulju 2002

Illejla, fil-kapitali Portugiża Lisbona, jingħata bidu għat-63 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, bis-sehem ta’ 43 parteċipant.

Fost il-parteċipanti żewġ kantanti femminili Maltin, li t-tnejn se jkantaw fis-serata tal-Ħamis li ġej: Christabelle, li se tirrappreżenta lil Malta, u Jessika, li se tkun qed tirrappreżenta lil San Marino.

Waqt riċerka fil-librerija tagħna Informa fid-Dar Ċentrali, tfaċċat quddiemna kitba interessanti li kienet tagħmel parti mis-suppliment għat-tfal bl-isem ta’ ‘Qrempuċu’, li kien koordinat mill-ġurnalista kollega tagħna Doris Azzopardi u li kien joħroġ mal-ġurnal In-Nazzjon kull nhar ta’ Sibt.

Laqatna t-titlu Awguri lil Christabelle Borg u ritratt tal-kantanta ċkejkna. Proprju fl-ewwel sentenza Christabelle tgħid hekk lil Doris Azzopardi: “Il-ħolma tiegħi hi li nirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision”.

L-intervista kienet ippubblikata fl-20 ta’ Lulju tal-2002, meta Christabelle kien għad kellha biss 10 snin. Sa minn dak iż-żmien l-ambizzjoni u d-determinazzjoni kienu hemm u llum tinsab lesta biex jumejn oħra tirrealizza l-ħolma li kellha 16-il sena ilu. L-awguri ta’ 16-il sena ilu nestenduhom illum b’aktar qawwa lil Christabelle. F’isem il-qarrejja kollha tagħna.

(Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon)