Lokali Qorti

Il-Koħħu jitlob biex il-ġuri tal-HSBC jiġi pospost

Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, talab sabiex ġuri li għandu jinstema’ fit-18 ta’ Ġunju b’rabta ma’ attentat ta’ hold-up fuq il-Bank HSBC jiġi pospost.

F’rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, l-Avukati ta’ Muscat jisħqu li minħabba l-pubbliċita’ kbira li hemm madwar il-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – li dwaru Muscat qed jinżamm arrestat u għaddej kumpilazzjoni – hemm possibilita’ serja li l-ġurati prospettivi jkunu preġudikati fil-konfront tiegħu u dan imur kontra d-dritt fondamentali ta’ smiegħ xieraq.

Il-Koħħu jinsab akkużat bl-attentat ta’ hold-up fuq iċ-Ċentru Rużar Briffa tal-Bank HSBC f’Ħal Qormi fit-30 ta’ Ġunju 2010.

F’dan l-attentat, kienu sparati diversi tiri bejn l-allegati ħallelin u l-Pulizija u bil-konsegwenza ta’ dan, hu kien akkużat ukoll b’attentat ta’ qtil fuq uffiċjali tal-Pulizija.

Wieħed mill-allegati kompliċi ta’ Muscat kien intlaqat u sofra feriti f’wiċċu. F’Novembru 2010 huma kienu ngħataw l-liberta’ proviżorja mill-Qorti minkejja l-appelli tal-Avukat Ġenerali kontra l-ħelsien mill-arrest.

Fl-4 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, Vincent Muscat flimkien ma’ żewġt irġiel oħra, kien arrestat u tressaq l-Qorti akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Tags