Biex ngħelbu l-ostakli kollha li hemm quddiemna, jeħtieġ li nitkellmu b’leħen wieħed, leħen sod – il-leħen tal-Partit Nazzjonalista.
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza laqgħa mal-attivisti fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’B’Kara bħala parti mill-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Infasslu Futur Flimkien’.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li qabel ma wieħed jistaqsi kif se ningħaqdu bħala partit, wieħed irid jiftakar x’inhu dak li jgħaqqadna.
“Jgħaqqadna t-tħaddim tal-valuri li nemmnu fihom bis-saħħa kollha” sostna Adrian Delia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li kull Nazzjonalist ta’ veru għandu jiftakar minn fejn ġejjin, min aħna u jagħraf l-importanza li nerġgħu nibdew nitkellmu b’leħen wieħed.
“Il Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jibda jitkellem b’leħen wieħed – il-leħen tal-Partit Nazzjonalista – il-leħen kontra l-korruzzjoni, il-leħen li jaqbeż għall-ħaddiem, il-leħen favur l-edukazzjoni, il-leħen għal dawk li sofrew inġustizzji, il-leħen għal dawk kollha li ma għandhomx leħen” saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Is-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kienet dejjem fil-konvinzjoni u d-determinazzjoni tiegħu biex ikun il-vuċi tas-sewwa.
“It-triq tas-sewwa ħafna drabi kienet triq twila u iebsa imma dejjem kienet it-triq it-tajba” sostna Adrian Delia.
Huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm għal pajjiżna meta pajjiżna kellu bżonnu fil-ġlidiet li kellna nirbħu matul is-snin.
Hekk ukoll issa, fakkar Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista irid ikun il-vuċi tas-sewwa fil-ġlieda li l-Gvern beda kontra l-iktar valur prezzjuż – il-valur tal-ħajja.
“Il-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi li jiġġieled għall-valur tal-ħajja” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-laqgħa tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista mal-attivisti kellha introduzzjoni mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u kienet ikkordinata mill-Koordinatriċi tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.
//= $special ?>