Il-ġurnal rinomat u rispettat fl-Italja, Il Corriere della Sera, f’investigazzjoni mill-ġurnalist Antonio Crispino sab li l-mafja Naplitana tal-Kamorra qalbet l-operat tagħha mit-traffikar tad-droga għall-logħob onlajn anke billi għażlet lil Malta.
“Għażlu lil Malta,” jikteb il-ġurnalist. “Pajjiż qrib l-Italja, b’tassazzjoni aħjar, inqas kontrolli, eħfef biex takkwista l-liċenzja u qligħ ogħla mill-Italja.” L-investigazzjoni, bl-isem Dirty Game, tikxef kif il-familji storiċi tal-mafja Arena u Grande Arachi rreġistraw dħul ta’ xejn inqas minn €1.3 miljun f’sentejn biss.
Jingħad li kien fis-sena 2000 li l-mafja bdiet tenfasizza bis-sħiħ fuq it-trasferiment tal-operat mit-traffikar tad-droga għal-logħob onlajn. Fost dawn il-kap tal-Kamorra ta’ Napli, Paolo Di Lauro, li rnexxielu jibni relazzjoni tajba ma programmers, sidien ta’ swali tal-logħob tal-azzard u professjonisti oħra fid-dinja tal-logħob tal-flus onlajn.
Wieħed minn dawk intervistati bħala parti minn din l-investigazzjoni hu Luigi Tancredi meqjus bħala r-‘Re tal-Poker’ għaliex kien wieħed mill-ewwel Taljani li rrealizza bil-potenzjal ta’ dan s-settur.
Jiddikjara li fost dawk li kellmuh biex jipprogrammalhom sistemà biex joperaw il-logħob onlajn, kien hemm il-boss Femia Nicola magħruf bħala ‘is-sinjur tas-slot machines’ li opera dan in-negozju anke minn Malta minkejja li ismu ma jidhirx fir-reġistru tal-kumpaniji lokali.
B’kollaborazzjoni mal-‘ndrangheta u l-familja tal-Casalesi, il-klann ta’ Femia tradizzjonalment hi magħrufa għat-traffikar tad-droga mill-Amerka t’Isfel, iżda fl-aħħar snin dawret il-maġġoranza tal-ħidma llegali tagħha fuq il-logħob onlajn.
Tancredi jgħid li mingħajr ma jaf li Femia kien mafjuż, iltaqa’ miegħu u talbu biex jipprogrammalu software, jiksiblu liċenzja Maltija u jinkorporalu casinò onlajn. Dan filfatt seħħ, bi grupp ta’ tekniċi li jaħdmu ma’ Tancredi joħolqu din is-sistemà.
Din l-investigazzjoni tal-Corriere hi korroborata wkoll minn kawża fil-Qorti li ntemmet b’ġudizzju f’Jannar li għadda. Tliet snin mill-arrest tiegħu, Mario gennaro ngħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs wara li nstab li kien il-punt ta’ riferenza f’Malta għall-‘ndrangheta.
//= $special ?>