– Simon Busuttil, PN
Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li waħda mill-ikbar diffikultajiet tal-liġi dwar l-IVF hi li l-iffriżar tal-embrijuni issa se jsir ir-regola u mhux l-eċċezzjoni kif kien fil-liġi li għamel Gvern Nazzjonalista fl-2012.
Fil-parlament Simon Busuttil qal li hu se jivvota kontra din il-liġi u spjega li l-PN mhux partit konfessjonali iżda partit li jesprimi l-pożizzjonijiet politiċi tiegħu. Fuq l-IVF, il-knisja għad għandha riservi kbar iżda kien il-PN li daħħal il-liġi tal-IVF.
Qabel dik il-liġi kien hawn il-liġi tal-ġungla; kienet liġi b’intenzjoni u b’direzzjoni biex tipproteġi l-ħajja u l-embrijun li hu tarbija fl-aktar stadju vulnerabbli meta jkollha l-aktar bżonn għajnuna. Din il-liġi taqbeż il-linja tal-etika li għandha tkun rispettata fil-parlament.
Hu qal li hu favur l-IVF; teknoloġija li twassal biex tgħin biex tinħoloq il-ħajja. Min qed jikkritika din il-liġi qed jitpinġa kontra l-IVF meta dan mhux minnu. Il-liġi tal-IVF tal-2012 kienet suċċess u kienet liġi avvanzata li tgħin tant li introduċiet teknoloġija fejn kienet tiġi ffriżata l-bajda tal-mara biex tassew tgħin lill-koppji.
Simon Busuttil qal li hu mhux favur il-bidliet li qed jagħmel il-gvern u sostna li hu kontra l-iffriżar tal-embirjuni kif qed jipproponi l-gvern. Dan għaliex l-iffriżar tal-embrijun ifisser l-iffriżar ta’ ħajja ta’ xi ħadd. Dan meta hemm alternattiva għal dan bil-liġi kif inhi diġà billi flok l-iffriżar tal-embrijun tkun iffriżata biss il-bajda tal-mara. Din hi triq li ma fihiex diffikultajiet etiċi.
Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne ma kinx etiku meta qal li l-embrijun hu biss tmien ċelloli. Din titfa’ messaġġ li allura ma jimpurtax kif l-embrijun ikun trattat. Il-Prim Ministru qed isostni wkoll li l-iffriżar tal-embrijuni hu diġà possibbli f’Malta iżda llum dan isir f’każi eċċezzjonali biss waqt li bil-liġi tal-gvern se jsir ir-regola.
Hu qal li hu kontra s-surrogazzjoni; li hi sfruttmanet kbir tan-nisa. L-aktar pajjiżi liberali qed jipprojbixxu s-surrogazzjoni. Il-Ministru tas-Saħħa se jkun jista’ jdaħħal id-dettalji ta’ kif issir is-surrogazzjoni permezz ta’ regoli. Dan mhux il-mod kif is-soċjetà tħares lejn l-omm għaliex din mhix oġġett.
Il-Gvern m’għandux il-mandat elettorali biex idaħħal din il-liġi, sostna Simon Busuttil, li appella lill-gvern biex iwettaq proċess ta’ konsultazzjoni veru.
//= $special ?>