Lokali Parlament

L-Istat se jsir propjetarju ta’ bnedmin iffriżati

-Carm mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li bil-liġi tal-IVF kif se jipproponiha l-Gvern, l-Istat se jsir propjetarju ta’ bnedmin iffriżati bħala embrijuni.

Carm Mifsud Bonnici qal li din hi liġi li ġabet ħafna diskussjoni fil-parlament u fil-pajjiż. Il-gvern ma jistax jinjora s-sejħiet varji mill-poplu u minn entitajiet biex id-diskussjoni parlamentari tieqaf għaliex il-liġi setgħet saret ħafna aħjar u setgħet ġabet kunsens.

Fis-soċjetà hemm min qed jesprimi kritika għal din il-liġi. Il-liġi qed tmiss punti fundamentali għall-pedament tas-soċjetà Maltija u qed tieħu lis-soċjetà fuq materjaliżmu storiku u ddaħħal lura ċ-ċentralizzazzjoni tal-istat. Qed iddaħħal ukoll kunċett li fl-istorja tad-dritt qatt ma kien hemm kunċett fejn l-istat se jsir propjetarju ta’ bnedmin li huma iffriżati. L-attitudni dejjem kienet li tħares lejn it-tarbija fil-ġuf b’mod eċċezzjonali. Issa l-mara se tiġi oġġett ta’ kuntratt materjalista bil-kiri tal-ġuf.

Carm Mifsud Bonnici tkellem kontra s-surrogazzjoni u kontra l-kuntratti li se jsiru fil-proċess u qal li dawn huma kunċetti li m’għandhomx ikunu aċċettati fil-ħajja għaliex l-bniedem se jinġieb oġġett materjalista. L-iffriżar tal-embrijun għandu jkun limitat. Id-dinjità m’għandhiex titneħħa, sostna d-deputat Nazzjonalista li enfażizza d-diffikultajiet kbar li ġġib is-surrogazzjoni. Il-liġi għandha terġa’ tinkiteb mill-ġdid, sostna Carm Mifsud Bonnici.