Internazzjonali

L-Istati Uniti tirtira mill-Ftehim Nukleari mal-Iran

Il-President Amerikan, Donald Trump, ħabbar lid-dinja li hu kien qed jirtira pajjiżu mill-Ftehim Nukleari storiku li ntlaħaq, fl-2015, bejn il-potenzi tad-dinja u l-Iran. Id-deċiżjoni kontroversjali tidher li se jkollha sinifikat kbir għar-reġjun tal-Lvant Nofsani, li għaddej minn taqlib politiku, kif ukoll għall-komunità internazzjonali.

Trump – li waqt diskors f’Washington ikkundanna ‘ir-renju tat-terrur u l-kaos’ mir-reġim Iranjan —  qal li l-ftehim inkwistjoni, li kien iffirmat fl-era tal-eks President Amerikan Barack Obama, kien ‘embarazzanti għalih bħala ċittadin’. Hu kompla li l-Istati Uniti, issa, qed tħejji biex timponi ‘l-ogħla livell ta’ sanzjonijiet’ ( fuq l-Iran) fost sinjali li l-Amerikani se jżidu il-penali ekonomiċi addizzjonali fil-konfront ta’ f’Tehran.

‘Jidhirli biċ-ċar li ma nistgħux inwaqqfu bomba nukleari għall-Iran taħt l-istruttura msewsa tal-ftehim attwali ( tal-2015) u nafu sew x’għandu jiġri f’każ li l-Istati Uniti ma tagħmel xejn fiċ-ċirkustanzi’, tenna Trump.

Il-Mexxej Amerikan irrefera wkoll għall-‘idea fittizja wara l-ftehim tal-2015 li l-Iran ried biss li jkollu programm paċifiku għall-enerġija nukleari’. Hu tenna li llum ‘jeżistu l-provi definittivi li l-wiegħda tal-Iranjani kienet gidba’, filwaqt li rrefera għall-pubblikazzjoni, jiem ilu, ta’ dokumenti sigrieti ta’ Iżrael ‘li juru b’mod konklussiv l-istorja tar-reġim Iranjan waqt li kien qed jippersisti għall-akkwist tal-armi nukleari.’

Ir-rapporti sakemm morna għall-istampa referew ukoll għat-tensjoni kbira fl-Iran, peress li l-kollass ta’ dan il-ftehim kapaċi jħalli riperkussjonijiet mill-aktar serji. Fil-fatt, id-deputati f’Tehran qalu li l-Parlament Iranjan għandu jippermetti biex il-Gvern tiegħu jirreaġġixxi ‘b’feroċità’għad-domandi ta’ Trump fir-rigward ta’ pajjiżhom.

Intant, il-potenzi tal-Unjoni Ewropea, għadhom iqisu l-ftehim bħala l-aħjar mod li l-Iran jista’ jinżamm milli jiżviluppa l-bomba nukleari. Aktar kmieni lbieraħ, l-Uffiċjali tal-Unjoni – f’dan il-każ rappreżentanti mill-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza —  kienu diskutew is-sitwazzjoni mal-Viċi-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi fi Brussell. Ma kien preżenti l-ebda uffiċjal tal-Istati Uniti għal din il-laqgħa.

Taħt il-ftehim storiku komprensiv li ntlaħaq bejn l-Iran u l-potenzi, ir-reġim f’Tehran kien qabel biex jillimita l-ħażniet tal-uranju — li jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-armi nuklear — għal ħmistax il-sena. Kundizzjonijiet oħra, fl-2015, kienu biex l-Iran inaqqas is-centrifuges għall-irraffinar tal-uranju fuq perjodu ta’ għaxar snin u biex jimmodifika faċilità partikulari b’mod li din ma tintużax għall-produzzjoni tal-plutonju għal bomba.

Sadanittant, il-potenzi kienu qablu li jitneħħew is-sanzjonijiet – fil-parti kbira ekonomiċi –imposti fuq l-Iran min-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.

Il-potenzi involuti fil-ftehim kienu l-ħames membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU – l-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit, iċ-Ċina u Franza – u l-Ġermanja.