Futbol Sport

San Ġiljan Saints rebbieħa tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA

Il-plejers ta’ San Ġiljan Saints jiċċelebraw wara r-rebħ tal-kampjonat (Ritratt: Warren Sammut)

SAN ĠILJAN SAINTS….3

MOSTA VIKINGS……….0

Wirja tajba ta’ San Ġiljan Saints kienet strumentali sabiex jirbħu l-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 3-0.  Kien suċċess meritat għat-tim mill-Balluta li ddomina mill-bidu sal-aħħar dan il-kampjonat.

Huma kisbu 26 punt minn 10 partiti fejn rebħu tmien partiti filwaqt li kellhom żewġ draws. Huma ma sofrew l-ebda telfa filwaqt li kellhom sfida denja minn Qormi Hotspurs li bħalhom ġew promossi għall-Ewwel Diviżjoni. Huma kienu wkoll l-iktar tim li skorja gowls f’dan il-kampjonat, eżattament 31 gowl biex inkurunaw staġun mill-aqwa.

Dan kien l-ewwel staġun ta’ San Ġiljan Saints fil-MAFA, tim magħmul minn plejers barranin li jaħdmu f’pajjiżna. Kienet ukoll ġurnata ta’ festa fil-grawnd ta’ Santa Luċija hekk kif numru sabiħ ta’ partitarji Ġiljaniżi marru jagħtu s-sapport lill-benjamini tagħhom u ġew armati bil-banda u l-istorbju kollu meħtieġ għall-okkażjoni.

Kien dwell kuntrastanti bejn żewġ timijiet li kellhom fortuni diversi f’dan l-istaġun hekk kif kien hemm 21 punt differenza bejniethom fil-klassifika. Xejn inqas minn rebħa ma kienet tissodisfa lill-Ġiljaniżi biex jassiguraw ruħhom mit-titlu finali.

Min-naħa tagħhom, Mosta Vikings kienu qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom hekk kif kienu jinsabu f’qiegħ il-klassifika b’żewġ punti biss. Kif mistenni s-Saints ħarġu aggressivi sa mis-suffara inizjali tar-referi fejn bdew joħolqu azzjonijiet offensivi lejn il-lasti ta’ Andrew Agius.

Wara 25 minuta fejn il-Ġiljaniżi naqsu li jippenetraw il-lasti Mostin, kien minuta wara li fetħu l-iskor permezz tal-aħjar plejer tal-partita Michael Hennessy.

Il-Vikings ittantaw reazzjoni iżda minuta minn tmiem l-ewwel taqsima reġgħu kienu San Ġiljan li għamluhom tnejn meta reġa’ kien għal darba oħra Hennessy li approfitta minn indeċiżjoni difensiva sabiex għaqqad doppjetta personali. B’dawn iż-żewġ gowls hu spiċċa wkoll l-aqwa skorer tas-Saints b’seba’ gowls.

Fit-tieni taqsima Mosta ttantaw reazzjoni sabiex inaqqsu l-marġni tal-iskor iżda sabu l-erbgħa ta’ wara ta’ San Ġiljan f’vena mill-aqwa u żammew lill-attakkanti ‘il bogħod mill-gowlkiper Ryan Kerr.

Huma ħadu r-riedni tal-logħba f’idejhom u ma kinitx sorpriża li skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Bjornar Heggerness li ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.

Mat-tisfira finali tar-referi Massimo Axisa setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Ġiljan li laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Andrew Clark irċieva t-tazza mingħand il-President tal-MAFA Twanny Agius.

Referee: Massimo Axisa

Klassifika finali: San Ġiljan Saints 26 punt, Qormi Hotspurs 25 punt, Tal-Qroqq Versity 16-il punt, Naxxar Victorians 10 punti, Mqabba Albions 5 punti, Mosta Vikings 2 punti

L-aqwa skorers: Jacob Falzon (Qormi H.) 9 gowls, Yosef Bonnici (Qormi H.) 8 gowls, Owen Gilford (Tal-Qroqq V.) 8 gowls, Michael Hennessy (San Ġiljan S.) 7 gowls, Jake Gower (Mqabba A.) 7 gowls, Connor Muchmore (Naxxar V.) 7 gowls

Tags