Nikol Pashinyan, il-Kap tal-Oppożizzjoni mlaqqam ‘il-Mexxej tar-Rivoluzzjoni tal-Ħarir fl-Armenja’ rebaħ l-appoġġ tal-Parlament biex jassumi r-rwol ta’ Prim Ministru.
Dan wara jiem ta’ protesti u taqtigħ ta’ qalb u fejn Pashinyan, ġimgħa ilu, kien falla f’tentattiv bil-għan li jipperswadi lill-Partit fil-Gvern biex jappoġġjah.
Pashinyan kien mexxa ġimgħat ta’ protesti fil-kapitali Yerevan li ġabu fi tmiem għaxar snin ta’ tmexxija tal-eks-President (u Prim Ministru) Armen, Serzh Sargsyan.
Il-konferma li Pashinyan se jkun il-Prim Ministru ġdid tal-Armenja ntlaqgħet b’ferħ kbir mill-partitarji li ħonqu l-pjazza prinċipali ta’ Yerevan. Dan waqt li Pashinyan wiegħed lid-deputati parlamentari li d-drittijiet umani se jkunu protetti u li hu se jieħu inizjattivi lejn it-tmiem tal-korruzzjoni u ‘is-sistemi għat-tbagħbis tal-elezzjonijiet’ fil-pajjiż.
Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, mal-ewwel feraħ lil Pashinyan għas-suċċess tiegħu waqt li awgura li l-pajjiżi jkomplu ‘bir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija’. Dan meta l-Armenja tifforma parti mill-organizzazzjoni tas-sigurtà kollettiva tar-Russja, kif ukoll tal-unjoni ekonomika ‘Ewrasja’ fejn l-akbar influwenza ġejja minn Moska.
Hu minnu wkoll li Pashinyan wiegħed l-elezzjonijiet ‘immedjati’ fl-Armenja ladarba jkun sodisfatt li l-kundizzjonijiet huma ideali għal vot leġittimu. Hu sostna li mgħandu l-ebda intenzjoni li jiggranfa lill-poter u li, bħala l-ewwel tragward, kien qed jaħseb biex jipperswadi lill-Parlament f’Yerevan biex japprovalu l-Kabinett.
//= $special ?>

