Għawdex Lokali

AĠĠORNATA: Theddida ta’ bomba fuq vapur tal-Gozo Channel; tfittxija f’diversi vetturi

Is-servizz tal-Gozo Channel għadu wieqaf

L-operat ta’ wieħed mill-vapuri t’Għawdex jinsab wieqaf hekk kif dan l-istazzjon hu nfurmat li għaddejja tfittxija minħabba theddida ta’ bomba.

Jirriżulta li t-theddida saret fil-konfront tal-vapur Gaudos, li jinsab trakkat mal-moll taċ-Ċirkewwa.

Il-Pulizija kkonfermat li daħal dan ir-rapport kif ukoll li għaddejja tfittxija.

Filfatt vetturi li kienu fuq ir-rampa tal-vapur twaqqfu waqt li passiġġieri li kienu abbord tniżżlu għas-sigurtà tagħhom. Hawn bdiet tfittxija kemm fuq il-vapur kif ukoll b’apparat apposta li jfittex taħt il-vetturi li kienu fil-kju, jistennew biex jitilgħu.