Lokali Parlament Saħħa

Il-Parlament qed ixekkel il-konsultazzjoni u jeskludi l-esperti – Akkademiċi

Id-dibattitu fi stadju tat-Tieni Qari ġie konkluż ilbieraħ

F’ittra miftuħa lill-Prim Ministru, lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-Ispeaker, 7 għaqdiet, żewġ professjonisti u 100 akkademiku qed jappellaw lill-Parlament sabiex ma jibqax għaddej bl-emendi li jbiddlu l-Liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, u jinbeda immedjatament proċess ta’ konsultazzjoni.

L-ittra intbgħatet fid-dawl tad-dibattitu li ġie konkluż din il-ġimgħa, hekk kif il-Liġi l-ġdida li mbotta l-Prim Ministru Muscat tinsab fi stadju tat-Tieni Qari.

Il-firmatarji tal-ittra huma l-Life Network Foundation, l-Unborn Child Movement, Gift of Life, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tat-Tfal, il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, grupp ta’ Bijoloġisti, il-Moviment ta’ Kana, ix-Xjenzat Jean Pierre Fava, il-Prof. Andrew Azzopardi, l-Assoċjazzjoni tad-Drittijiet tal-Konsumatur u grupp ta’ 100 akkademiku mill-Universita’ ta’ Malta.

Dawn l-għaqdiet kollha qed jitolbu lill-Prim Ministru u lid-deputati kollha sabiex ikun hemm dibattitu veru li jinkludi mhux biss Membri Parlamentari imma wkoll esperti u partijiet oħra interessati. Dan fl-ispirtu ta’ “konsultazzjoni” li appellat għalih anke l-President ta’ Malta.

Fl-ittra jissemmew individwi oħrajn li żgur jistgħu jikkontribwixxu għal dan id-dibattitu san. Dawn jinkludu psikologi, social workers, il-Fakulta’ tas-Social Wellbeing, l-eks Ministru Geroge Vella u l-kandidata laburista Deborah Schembri.