Lokali

“Ir-roħs tad-dawl hu biss fis-sħab” – UĦM Voice of the Workers

Kummentarju miktub fis-sit tal-UĦM Voice of the Workers

Fil-jiem li għaddew, il-UĦM Voice of the Workers iltaqgħu ma’ persuni li wrew it-tħassib tagħhom dwar irregolaritajiet, jekk mhux taħwid, fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma tagħhom.

Jum wara jum, l-ilmenti u t-tħassib tan-nies żdiedu tant li bdew joħorġu l-fatti u ċertu spjegazzjonijiet matematiċi dwar kif jinħadmu l-kontijiet.

Fil-konferenza ta’ Jum il-Ħaddiem, li kienet organizzata minn UĦM Voice of the Workers dan l-aħħar, intqal li għandha ssir analiżi ta’ dawn il-kontijiet bl-għajnuna ta’ esperti sabiex wieħed jara jekk il-konsumatur hux qed iħallas iżżejjed.

Il-union tisħaq li din il-kwistjoni għandha wkoll tiġi diskussa f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Huwa importanti għal UĦM Voice of the Workers li tiġbed l-attenzjoni tal-imsieħba soċjali l-oħrajn biex f’każ bħal dan, bil-fatti f’idejha, tqajjem diskussjoni u tħassib dwaru.

Irridu nsibu s-soluzzjoni, imma din is-soluzzjoni ma tissarrafx billi l-flus jingħataw lura f’idejn il-konsumatur. Sa issa, meta jirċievi l-kont tad-dawl u l-ilma, il-konsumatur kien jieħdu bħala wieħed fattwali. Jekk jinstab li hemm nuqqasijiet f’dawn il-kontijiet, allura se tintilef il-fiduċja. Dan hu ħażin għax inkunu qed inġibu l-isfiduċja f’konfront ta’ entita’ pubblika oħra.

Meta nitkellmu fuq tmexxija serja jew governanza, hu importanti li l-provvediment tas-servizz isir b’mod li l-konsumatur ikollu fiduċja fih.

Hi ironija li sibna ruħna f’din is-sitwazzjoni għax fil-verita’, għal ħafna xhur jekk mhux snin, konna qed ngħidu li l-kont tad-dawl u l-ilma roħos. Sakemm f’daqqa waħda bdiet ħierġa din l-istorja u issa qed ngħidu li dak li ntqal mill-politiċi kien xi ħrafa.

Hi problema li l-ewwel twiegħed liċ-ċittadin bi traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, imbagħad issib li dan it-traħħis hu biss fis-sħab.