Lokali

L-MUT tesprimi tħassib dwar l-intenzjoni tal-Gvern li jwaqqaf skola internazzjonali

Wara li l-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf skola internazzjonali fis-sit fejn hemm l-isptar militari tal-Mtarfa, l-Union tal-Għalliema, l-MUT kitbet lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo fejn esprimiet it-tħassib tagħha.

L-MUT saqsiet dwar il-viabiltà u s-sostennibiltà li jkollok skola oħra indipendenti b’mod partikolari minħabba l-effett li se tħalli fuq is-settur tal-iskejjel indipendenti f’pajjiżna. L-MUT saqsiet ukoll jekk sarx studju qabel ħarġet is-sejħa għall-interess biex jaraw l-impatt li se tħalli din l-iskola .

Il-Union talbet ukoll tweġiba dwar ir-rekwiżiti u l-istandards ta’ din l-iskola u saqsiet min se jkun qed jgħallem f’din l-iskola. Saqsiet ukoll jekk dawk li jirbħu l-kuntratt humiex se jkunu ġejjin mis-settur edukattiv biex ma jerġax jiġri bħalma ġara f’esperjenzi riċenti fejn ma kienx hemm istituzzjoni edukattiva propja li qed taħdem.