Kultura Lokali

LUTTU FL-IMQABBA: Tilfu żewġ pilastri f’temp ta’ erbat ijiem

Żewġ persuni rispettati ferm mill-Imqabbin kollha

L-Imqabba tinsab f’luttu wara l-mewt ta’ żewġ pirotekniċi magħrufa; John Mary Ciantar u Lawrence Mangion. Huma mietu f’temp ta’ erbat ijiem, u għalhekk il-mewt tagħhom kienet ħasda għal bosta Imqabbin.

John Mary Ciantar, magħruf bħala ‘Il-Gebla’ miet il-Ġimgħa, fl-eta’ ta’ 84 sena.

Ġamri, kif kien magħruf ma sħabu, qatta’ kważi ħajtu kollha jaħdem il-murtali. Hu kien membru Onorarju tas-Soċjeta’ Madonna Tal-Ġilju.

Ilbieraħ imbgħad l-Imqabba reġgħet tilfet persuna oħra fil-qasam tan-nar – Lawrence Mangion, magħruf bħala Lolly.

Hu kien ħaddiem magħruf tal-logħob tan-nar sa minn ċkunitu u għamel perjodu bħala l-Licensee tal-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju.

Ħafna Imqabbin li tkellmu magħna qalulna li Lolly kellu talent li ftit kien hawn bħalu, u jdejn ta’ artist fil-qasam pirotekniku.

Kemm Ġamri kif ukoll Lolly kienu pparteċipaw fir-reality show NAR li xxandar fuq Net TV fl-2010.