Futbol Sport

Ray Farrugia jsejjaħ l-ewwel skwadra proviżorja

Branko Nisevic flimkien ma' Ray Farrugia (Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Ray Farrugia sejjaħ skwadra proviżorja ta’ 26 plejer għall-kamp ta’ taħriġ tat-tim nazzjonali. Fost il-plejers fl-iskwadra jispikkaw erba’ plejers li bħalissa jiffurmaw parti mill-iskwadra ta’ taħt il-21 sena. Dawn huma Joseph Mbong, Jake Grech, Kyrian Nwoko u Myles Beerman.

Minbarra Beerman, hemm erba’ plejers oħra li jilagħbu barra l-pajjiż. Dawn huma Zach Muscat ta’ Arezzo, Luke Gambin ta’ Luton Town, Jean Paul Farrugia ta’ Chiasso u Andrè Schembri ta’ Apollon Limassol. Dawn il-plejers jingħaqdu mat-tim nazzjonali fit-tieni ġimgħa ta’ kamp ta’ taħriġ.

Fl-iskwadra hemm ukoll plejers veterani b’Michael Mifsud jibqa’ fl-iskwadra, Roderick Briffa jikkonferma postu fit-tim nazzjonali filwaqt li Andrew Cohen issejjaħ lura wara staġun pożittiv ma’ Gżira United.

Il-plejers ta’ Hibernians Bjorn Kristensen u Johann Bezzina kif ukoll id-difensur ta’ Floriana Jurgen Pisani reġgħu jinsabu parti mill-iskwadra. Jispikkaw in-nuqqas tal-midfielders Ryan Fenech u Rowen Muscat.

Ray Farrugia u Branko Nisevic se jkunu qed jagħżlu 23 plejer għal dan il-kamp ta’ taħriġ u partiti ta’ ħbiberija li Malta se tilgħab fl-Awstrija aktar tard dan ix-xahar. It-tim nazzjonali jibda jitħarreġ fit-training grounds f’Ta’ Qali t-Tnejn li ġej.

Dan il-kamp ta’ taħriġ hu parti mill-preparazzjonijiet għal UEFA Nations League li jibda f’Settembru. Malta tinsab fi Grupp D3 flimkien mal-Ażerbajġan, il-Gżejjer Faroe u l-Kosovo.

L-iskwadra proviżorja ta’ Malta

Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Andrew Hogg (Hibernians), Steve Sultana (Ħamrun Spartans)

Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Cain Attard (Birkirkata), Steve Borg (Valletta), Ryan Camilleri (Valletta), Michael Johnson (Balzan), Zach Muscat (Arezzo), Jurgen Pisani (Floriana), Joseph Zerafa (Valletta)

Midfielders: Myles Beerman (Rangers), Johann Bezzina (Hibernians), Roderick Briffa (Gżira United), Andrew Cohen (Gżira United), Paul Fenech (Balzan), Luke Gambin (Luton Town), Jake Grech (Birkirkara), Bjorn Kristensen (Hibernians), Joseph Mbong (Hibernians), Steve Pisani (Floriana)

Attakkanti: Alfred Effiong (Balzan), Jean Paul Farrugia (Chiasso), Michael Mifsud (Valletta), Kyrian Nwoko (Valletta), Andrè Schembri (Apollon Limassol)