Lokali Mużika

Sigala u Jason Derulo fost il-protagonisti tal-Isle of MTV

L-Isle of MTV inġieb Malta fis-sena 2007

Jason Derulo, Hailee Steinfeld, Sigala, Paloma Faith, Ella Eyre, Dimitri Vegas u Like Mike huma l-artisti li se jieħdu sehem fl-Isle of MTV ta’ din is-sena.

Għat-tnax il-sena konsekuttiva, dawn l-artisti se jingħaqdu ma’ għadd ta’ artisti lokali fuq il-Fosos fil-Furjana biex jitwassal kunċert ieħor li mistenni jingħaqad mas-suċċessi tas-snin preċedenti.

B’differenza minn snin oħra, din is-sena hu mitlub li kull min se jattendi l-kunċert, irid jirreġistra l-attendenza tiegħu minn qabel. Persuni bla biljetti se jinżammu milli jidħlu fuq il-Fosos.

Filwaqt li l-avveniment se jibqa’ bla ħlas, kull persuna jista’ japplika għal 4 biljetti. Ir-reġistrazzjoni se tiftaħ ġimagħtejn qabel l-avveniment.

Il-kunċert se jsir fis-27 ta’ Ġunju li ġej.