Lokali Qorti

Appell Kostituzzjonali mill-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista ressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn appella mis-sentenza maħruġa mill-Prim Awla fil-każ kontra l-Kummissjoni Elettorali u l-funzjonijiet tagħha fi proċeduri taħt il-liġi dwar il-finanzjament tal-Partiti.

Ir-rikors isostni li l-ewwel Qorti għamlet applikazzjoni skorretta u perikoluża tal-Kostituzzjoni fejn jidħol id-dritt ta’ smiegħ xieraq. Il-każ hu dwar il-Kummissjoni Elettorali li qed tagħmilha ta’ prosekutur u mħallef fl-istess kawża.

Skont każi riċenti, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li fejn ikun hemm każi li jinvolvu multi, dawn jitqiesu bħala penali u għalhekk, f’każi fejn hemm penali, il-proċess għandu jkun salvagwardjat mid-drittijiet Kostituzzjonali, ewlieni fosthom id-dritt ta’ smiegħ xieraq fi proċess quddiem Qorti. Il-Kummissjoni Elettorali mhux Qorti, isostni r-rikors.  Il-Partit Nazzjonalista ma’ jaqbilx mal-interpretazzjoni tal-Ewwel Qorti li d-dritt ta’ smiegħ xieraq hu garantit għax il-proċess tal-Kummissjoni Elettorali jista’ jiġi appellat quddiem il-Qorti tal-Appell u jsostni li każ li jinvolvi penali għandu jinstema’ minn Qorti f’kull stadju.

Ir-rikors ikompli li r-rimedju tal-appell mhux biżżejjed biex iħassar l-illegalita’ li tkun saret fl-ewwel stadju għaliex il-Qorti fl-appell ma’ tismax ix-xhieda li jkunu xehdu quddiem il-Kummissjoni Elettorali. L-Appell jilmenta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni iddelegat il-poteri u r-responsabbiltajiet tagħha lil sotto-kumitat li jiġbor il-provi. Din l-azzjoni mhux awtorizzata, la mill-Liġi u lanqas mill-Kostituzzjoni.

Barraminhekk, ikompli l-Partit Nazzjonalista, il-proċeduri li bdiet il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li qed tinvestiga lill-Partit Nazzjonalista fuq ksur tal-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti iżda l-Partit Nazzjonalista ma rċieva ebda taħrika, akkuża jew avviż formali li tindikalu liema hu r-reat li qiegħed jiġi investigat.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukat Jason Azzopardi.