Kien hemm ġlied bla waqfien fil-Lvant Nofsani wara ġlied bejn il-militar Iżraeljan u Iranjan fis-Sirja. Dan wara li matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, l-Iran spara missili lejn Iżrael. Iżrael imbagħad wieġeb b’sensiela ta’ attakki mill-ajru kontra interessi militari Iranjani fis-Sirja.
Uffiċjali militari Iżraeljani qalu li fl-attakki kienu laqtu kważi l-interessi militari Iranjani kollha fis-Sirja. L-Iran qed jappoġġja militarment ir-reġim tal-President Bashar al-Assad fis-Sirja.
Intqal ukoll li 20 rocket kienu sparati mill-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana fis-Sirja lejn it-territorju Iżraeljan fl-Għoljiet tal-Golan filwaqt li l-militar Russu qal li Iżrael spara mas-70 missila.
Iżrael qal li kien wissa lir-Russja li kien se jattakka l-interessi Iranjani fis-Sirja. Dakinhar, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kien fuq żjara f’Moska.
Avigdor Lieberman, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, wissa li, b’riferiment għall-isparar tar-rockets, li jekk fuq Iżrael ikun hemm ix-xita, minn fejn ġew ir-rockets kien se jkun hemm duluvju. Hu iżda insista li Iżrael ma riedx eskalazzjoni imma kien lest għal kull eventwalità.
Ġlied bejn Iżraeljani u Iranjani


