Il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex l-Infermiera u l-Qwiebel tagħna jkunu jistgħu jaħdmu f’dinjità u b’rispett.
Hekk appella l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien fost il-kelliema f’seduta speċjali tal-Parlament fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat lill-Infermiera. Matul din is-seduta, kienet ippreżentata u approvata Mozzjoni mressqa mill-Infermiera stess.
Filwaqt li faħħarhom għall-impenn u d-dedikazzjoni waqt xogħolhom, Adrian Delia nnota kif l-Infermiera jkunu qrib il-pazjent fl-aktar mumenti li jkollu bżonn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar kif Malta dejjem kienet rikonoxxuta għas-servizzi tas-Saħħa li tipprovdi, tant li sa minn mijiet ta’ snin ilu ngħatat it-titlu tal-Infermiera tal-Mediterran.
U sa fl-istorja riċenti, pajjiżna reġa’ serva hekk fil-kriżi tal-Libja, b’għexieren ta’ persuni jitwasslu hawn biex jingħataw il-kura f’nofs il-gwerra li wasslet għat-twaqqigħ tar-reġim tal-eks Dittatur Libjan Muammar Gaddafi.
Filwaqt li sellem partikolarment lill-Professur John Rizzo Naudi, li bil-ħidma tiegħu fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti ra li s-Saħħa u l-Kura jingħataw l-impenn politiku li jixraqilhom, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hi Liġi Internazzjonali li tagħti d-dritt għal kulħadd biex igawdi minn saħħa u kura.
Matul is-seduta, tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, li qal li rridu naraw li l-pazjent jibqa’ jinżamm fiċ-ċentru tal-kura tagħna, bil-prevenzjoni tittieħed bis-serjetà. U dan jista’ jsir biss billi nindirizzaw il-bżonnijiet tal-Infermiera, partikolarment fin-nuqqas ta’ riżorsi umani li għandu s-settur tas-Saħħa.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea, li hu wkoll Infermier, appella biex il-Parlament iħares lejn dan is-settur b’mod ħolistiku. Hu rringrazzja lill-Infermiera għas-servizz professjonali li jagħtu mingħajr daqq ta’ trombi.
Partikolarment sellem lil Maria Cassar (ritratt) fejn awguralha għall-kariga li għadha kif ingħatat bħala l-Kap tad-Dipartiment tal-Infermiera fl-Università ta’ Malta.
U d-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara nnutat il-bżonn li jitniedu kampanji li jippromwovu din il-karriera, bħalma Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista għenu biex l-Infermiera jiżviluppaw u joħolqu profil akbar għalihom.
Filwaqt li ngħaqdet fl-appell għall-bżonn ta’ riżorsi umani xierqa, Maria Deguara qalet li s-servizz tas-Saħħa ma jistax jitnaqqaslu l-livell għax ibatu l-pazjenti.
F’isem il-Gvern tkellem id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li rrikonoxxa l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi umani. U min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-Parlament għandu jiddibatti kull punt li ħareġ minn din il-Mozzjoni.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li hu d-dmir tal-Istat li jagħti d-dritt ta’ servizzi tas-Saħħa mingħajr diskriminazzjoni lil kulħadd. Hu qal li l-missjoni tal-Infermiera u l-Qwiebel hi waħda vokazzjonali, filwaqt li sellem l-impenn ta’ dawn biex jieħdu ħsieb lill-pazjent anke emozzjonalment.
L-Ispeaker appella biex attività bħal din tidħol fil-kalendarju tal-Parlament għax jemmen li minnha jgawdi kulħadd, ladarba dan is-servizz jolqot lil kull wieħed u waħda minna.
Sadanittant, il-Mozzjoni tressqet minn Dr Roberta Sammut, id-Dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta, li fost l-oħrajn appellat għal aktar għarfien dwar is-Saħħa.
Dr Anthony Scerri, Lettur fl-Università dwar is-Saħħa u l-Kura tal-Anzjani f’Malta, appella biex il-Gvern jilleġiżla favur l-ugwaljanza fis-servizz, anke għal dawk li ma jifilħux iħallsu. Dan meta hemm bżonn ta’ aktar komunikazzjoni mal-anzjani dwar kif ikunu jistgħu jgħixu aktar komdi.
L-Infermier fl-Isptar Monte Karmeli Kevin Gafà qal li l-Infermiera f’dan l-Isptar qed jaħdmu f’ambjent li mhux dejjem ikun dinjituż. Filwaqt li rrikonoxxa l-passi kbar ‘il quddiem li saru fl-aħħar snin, appella biex is-Saħħa Mentali tibqa’ fuqnett tal-prijoritajiet.
Vanessa Mifsud, Infermiera li taħdem fl-Isptar Monte Karmeli dwar l-outreach fil-komunità għal persuni LGBTIQ u d-diskriminazzjoni fis-Saħħa, qalet li għad hemm Professjonisti li għadhom mhux konxji mill-ħtiġijiet kollha li jkollhom persuni LGBTIQ.
Lucyanne Ragab, Infermiera fl-Isptar Mater Dei, qalet li hemm bżonn ta’ assigurazzjoni biex anke persuni b’kulturi differenti jingħataw is-servizz tas-Saħħa li jeħtieġu. Dan hekk kif fi kliemha, aktar għarfien iwassal għal aktar tolleranza.
Marika Podda Connor, Infermiera fil-qasam tal-Kura Primarja li taħdem fis-servizzi għall-Immigranti, għarfet il-ħtieġa ta’ rieda tajba għal kompetenza kulturali biex nirreaġixxu għad-diversità.
U Antoinette Attard, Infermiera fl-Isptar Mater Dei li taħdem fis-servizzi għall-Mara, qalet li l-Mara għandha tingħata ‘leave’ speċjali għal mard speċifiku fuq in-nisa, li s’issa għadu ma jeżistix.
//= $special ?>