Lokali Saħħa

Il-Qorti tiddikjara li l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni kontra l-VGH hi ta’ “importanza kbira”

Il-Prim Ministru diġa' prova jwaqqaf din il-kawża

Skont il-Qorti il-kawża dwar il-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-Vitals għandha tkompli għaliex hi materja ta’ “importanza kbira”. Id-deċiżjoni ingħatat illum mill-Imħallef Silvio Meli.

Fid-19 ta’ Frar li għadda, Iil-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża biex l-isptar San Luqa, l-isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li ngħataw lil Vitals Global Healthcare, jingħataw lura lin-nies. Minbarra fil-konfront tal-VGH, il-kawża infetħet kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, l-Awtorita’ tal-Artijiet u Malta Industrial Parks

L-Oppożizzjoni qed titlob il-Qorti tiddikjara null il-kuntratt, li l-Gvern Laburista ffirma mis-sidien anonimi tal-Vitals Global Healthcare wara li dawn tal-aħħar ma’ onorawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

Kemm il-Prim Ministru, kif ukoll l-Avukat Ġenerali u d-Dipartiment tal-Artijiet, provaw iwaqqfu din il-kawża li nfetħet mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

F’Diċembru li għadda, l-operat tal-Isptarijiet għadda għand il-kumpanija Steward. F’inqas minn sentejn minn kuntratt ta’ 30 sena u iktar, Vitals ħadu €50 miljun. Kulma sar f’dawn is-sentejn kienet it-tħaffir ta’ ħofra kbira biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

L-Avukati Jason Azzopardi u Edward De Bono qed jidhru għal Adrian Delia

Il-PN se jibqa’ jiġġieled biex l-isptarijiet jingħataw lura lin-nies

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Qorti llum ddeċidiet li l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dwar it-tliet sptarijiet li l-Gvern kien ta lil Vitals hija ta’ importanza kbira u nazzjonali.

Dan wara li Dr Delia kien fetaħ kawża fil-Qorti sabiex din tordna li jiġi annullat il-kuntratt li l-Gvern kien iffirma fl-2016 mal-Vitals Global Healthcare biex b’hekk l-isptarijiet Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jintraddu lura lin-nies.

Adrian Delia kien fetaħ din il-kawża wara li fil-Parlament, l-Oppożizzjoni kienet għamlet bosta mistoqsijiet għalfejn il-Gvern kien iddeċieda li jagħti l-isptarijiet lil Vitals, li ma kellhom l-ebda esperjenza jew kredenzjali fis-settur tas-saħħa.

In-nies għandhom ikunu jafu min huma s-sidien tal-Vitals. Għandhom ikunu jafu wkoll fejn marru l-€50 miljun li l-Vitals ħadu meta ma sar l-ebda rinnovar tat-tliet sptarijiet ħlief ħofra state of the artħdejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dwar il-kawża kontra Vitals, il-Qorti ddeċidiet ukoll li s-smigħ jkun wieħed sħiħ. Il-kawża biex t-tliet sptarijiet jingħataw lura lin-nies issa se tkompli fit-28 ta’ Mejju li ġej.