“Il-Partit Nazzjonalista se jkun viċin l-Għawdxin. Se jżur kull lokalità f’Għawdex u jiltaqa’ man-nies u jisma’ l-ħtiġijiet tagħhom”.
Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali f’Għawdex.
B’rabta ma’ dak li qalu l-kelliema, li sostnew li Għawdex għandu jitqies bħala reġjun, Adrian Delia talab lil Chris Said biex fil-kariga tiegħu bħala Kelliem għar-Riforma Kostituzzjonali jfassal il-proposti tal-Oppożizzjoni għal dan – proposti li jekk ma jintlaqgħux mill-Gvern, ikunu ppreżentati fil-Parlament.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar id-deċiżjoni tal-Qorti li qalet li l-kawża li fetaħ sabiex l-isptarijiet pubbliċi jittieħdu lura mill-poplu għandha titkompla għaliex hi t’importanza kbira. Adrian Delia żied jgħid li fil-Qorti l-Gvern kellu numru ta’ avukati biex jiddefendu din l-oxxenità.
Il-Kap tal-PN indirizza numru ta’ punti ta’ tħassib tal-Għawdxin fosthom dik tat-trasport bejn Malta u Għawdex, bil-Kap tal-PN jisħaq li għadda ż-żmien tal-istudji u li wasal iż-żmien għal soluzzjonijiet immedjati.
Wara li l-Gvernijiet Nazzjonalsiti investew fl-infrastruttura f’Għawdex, il-Kap tal-PN saħaq li issa wasal iż-żmien li nibdew ninvestu fl-Ghawdxin – primarjament billi nkunu ambizzjużi dwar il-pjan ta’ kif se noħolqu xogħlijiet għaż-żgħażagħ Għawdxin f’oqsma bħal dak tal-informatika li joffri ħafna flessibilità.
Il-laqgħa tal-Kap tal-PN mal-attivisti f’Għawdex kellha introduzzjoni mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u kienet ikkoordinata mill-Koordinatriċi tal-Kunsill Ġenerali Amanda Abela.
//= $special ?>