Internazzjonali

Jaslu lura l-priġunieri Amerikani li kienu f’idejn Pyongyang

Il-President Amerikan Donald Trump ta merħba lil tlett Amerikani li kienu qed jinżammu priġuniera fil-Korea ta’ Fuq.
Il-Korea ta’ Fuq għamlet ġest ta’ rieda tajba fil-konfront tal-Istati Uniti hekk kif dawn iż-żewġ pajjiżi fil-ġimgħat li ġejjieni se jkollhom l-ewwel summit tagħhom.
Dan wara li l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un ordna l-ħelsien ta’ tlett ċittadini Amerikani miżmuma fil-ħabsijiet Koreani. Dan sar waqt żjara li qed jagħmel f’Pyongyang Mike Pompeo, is-Segretarju tal-Istat Amerikan.
It-tlett Amerikani huma Kim Hak-song, Tony Kim u Kim Dong-chul li kienu spiċċaw fl-inkwiet għal dak li kien deskritt bħala attivita kontra l-Istat u kienu intbagħtu f’kampijiet tax-xogħol fil-Korea ta’ Fuq.
Pompeo mar il-Korea ta’ Fuq bħala parti mit-thejjijiet għas-summit. Summit li Trump qal kien intlaħaq ftehim dwar meta u fejn se ssir iżda s’issa ma tħabbrux id-dettalji pubblikament.
Trump qal li kien se jkun hemm jilqa’ t-tlett Amerikani la darba jaslu lura l-Istati Uniti.
It-tlett Amerikani Meħlusa:
Kim Hak-song kien arrestat f’Mejju tal-2017 u dan kien missjunarju Nisrani li mar il-Korea ta’ Fuq beix jiftaħ razzett sperimentali fil-Pyongyang University of Science and Technology (PUST)
Tony Kim ukoll kien jaħdem fil-PUST u kien arrest f’April tas-sena li għaddiet fuq is-suspett minħabba akkużi ta’ spjunaġġ. Rapporti qalu li hu kien qed jagħmel xogħol umanitarju fil-Korea ta’ Fuq.
Kim Dong-chul, kien arrestat fl-2015 fuq akkużi ta’ spjunmaġġ u kundannat għal għaxar snin xogħol iebes.