Futbol Sport

Kevin Azzopardi jinħatar kowċ tar-referees fil-CORE tal-UEFA

Id-Direttur tal-Referees tal-MFA Kevin Azzopardi nħatar mill-UEFA bħala kowċ fis-Centre of Refereeing Excellence (CORE) li għandu l-għan li jifforma l-ġenerazzjoni li jmiss tal-ogħla klassi ta’ referees. Azzopardi hu fost 20 kowċis tar-referees mill-Ewropa, bir-responsabbiltà tiegħu se tkun minn uffiċjali mill-Montenegro u l-Gżejjer Faroe.

Il-CORE tinkludi Kors ta’ Introduzzjoni li jdum għaxart ijiem u dak li jissejjaħ Consolidation Course fil-bidu ta’ Ottubru li jwassal biex kull min hu involut, jevalwa l-progress milħuq fix-xhur bejn iż-żewġ korsijiet.

Il-kors jinkludi kemm sessjonijiet ta’ teorija kif ukoll prattika, relatati mal-aspetti tekniċi tar-refereeing, kif ukoll testijiet fiżiċi u fl-Ingliż. Azzopardi kellu wkoll l-okkażjoni jsegwi r-referees tiegħu f’żewġ logħbiet fl-Iżvizzera u Franza.

Fiż-żmien meta kien għadu referee, Kevin Azzopardi kien wieħed mill-parteċipanti fl-ewwel edizzjoni tal-CORE bejn Settembru tal-2010 u April tal-2011. F’din l-edizzjoni, kienu ħadu sehem fosthom Michael Oliver u Szymon Marciniak, referees li llum huma stabbiliti fl-ogħla klassi.