Lokali

“L-imprendituri jaraw lil Malta pajjiż bil-korruzzjoni” – Transparency International

Mhux maghruf x’se jkun l-effett tal-istejjer li qed jiġu żvelati minn The Daphne Project

Malta għadha meqjusa bħala fost l-iktar pajjiżi korrotti fl-Ewropa. Rapport ta’ Transparency International tal-Indiċi dwar il-Korruzzjoni juri li Malta tinsab fis-46 post minn 180.

Filwaqt li dan fisser li Malta telgħet post meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, dan ir-riżultat ipoġġi lil pajjiżna fost l-agħar fl-Ewropa, b’seba’ pajjiżi biss mill-Ewropa kollha li għandhom pożizzjoni agħar minna.

Ir-rapport innota fost ohrajn kif il-Gvern kaxkar saqajh biex daħħal id-Direttiva Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi Maltija. Id-Direttiva kellha tidħol fis-seħħ madwar l-Unjoni Ewropea f’Ġunju tas-sena li għaddiet iżda f’Malta din daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena.

Transparency International kellha kliem iebes dwar is-sitwazzjoni tal-Bank Pilatus.

Fi stqarrija, Transparency International qalet li r-raġuni ewlenija tal-eżistenza tal-Bank Pilatus donnha kienet biex tiffaċilita’ transazzjonijiet ta’ serq bil-moħbi.

Transparency International irreferiet ukoll għar-rapporti tal-FIAU dwar Pilatus fejn instabu nuqqasijiet gravi ta’ kontrolli kontra l-ħasil tal-flus. Nuqqasijiet kważi apposta, kien sostna r-rapport tal-FIAU ikkwotat minn Transparency International.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali sejħet ukoll għal investigazzjoni indipendenti dwar il-proċess ta’ due diligence li wassal biex il-Bank Pilatus ingħata l-liċenzja sabiex ikun stabilit jekk kienx hemm indħil politiku.

Ghad mhux maghruf x’se jkun l-effett tal-istejjer li qed jiġu żvelati minn The Daphne Project fuq l-indiċi ta’ Malta fis-snin li ġejjin.