Lokali

ll-Grupp Tribali jniedu album ġdid

Il-grupp mużikali Tribali nieda album ġdid bl-isem Raba’, li hu kontinwazzjoni ta’ proġett mużikali li beda fl-2006 meta l-grupp introduċa ħoss ġdid aboriġinali għall-pubbliku f’Malta.

Fit-tnedija ta’ dan l-album, Elise Borg Rizzo, il-kantanta ta’ Tribali, iddeskriviet din l-esperjenza bħala waħda mill-isbaħ li ħadet lill-grupp f’dan il-vjaġġ li għenha tiżviluppa.

Ma’ Net News tiddikjara li grazzi għal dan l-album setgħet tkompli tesplora u saħansitra tuża l-vuċi bħala strument mużikali.

Bħal kull album ieħor, l-album iġib miegħu wkoll libsa ġdida għall-vann sinonimu tal-grupp, b’diżinn li jjikkumplimenta l-istil tal-album.

Tribali ħabbru wkoll kunċert live fl-4 ta’ Lulju, fit-Teatru Grieg f’Ta’ Qali. Dan se jkun spettaklu li joffri pjattaforma biex il-grupp iwettaq il-ħolm artistiku tiegħu.

Iżda mhux biss. Tribali mistennija jipparteċipaw ukoll fi spettakli fil-Portugall, l-Olanda u l-Ungerija fosthom f’party fuq ix-xmara Danube li l-biljetti kollha għalih diġa’ huma mibjugħa.

Dan ikompli jibni fuq numru ta’ esperjenzi internazzjonali li diġa’ kellu l-grupp fl-aħħar snin, bix-xewqa hi li fil-futur qarib jiġi organizzat tour Ewropew.