Għawdex Lokali

Politika biex l-Għawdxin jerġgħu jsibu kenn fil-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista qed jibbaża l-politika tiegħu f’Għawdex fuq sitt pilastri biex jissaħħu r-reġjonalità, l-aċċessibbiltà, l-opportunitajiet, il-qasam tas-Saħħa, il-qasam tal-Edukazzjoni u l-infrastruttura tal-gżira.

Hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, li kien wieħed mill-kelliema fis-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali li nżammet ilejla fil-Grand Hotel, fl-Imġarr Għawdex.

Hu nnota kif bil-preżenza ta’ din is-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista qed juri li għalih, Għawdex hu tal-akbar importanza. Wiegħed li flimkien mad-Deputati l-oħra, il-Kandidati, il-Kunsilliera Lokali u l-membri tal-Kumitati Sezzjonali, se jkompli jara li l-Partit jibqa’ viċin l-Għawdxin.

Fakkar kif Gvernijiet Nazzjonalisti raw li Għawdex igawdi minn 10% tal-fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea. Iżda staqsa, x’għamel Gvern Laburista f’Għawdex fil-ħames snin li għaddew.

Chris Said tenna l-appoġġ tiegħu lejn il-Kap tal-Partit Adrian Delia, fejn wiegħed li se jkompli jaħdem miegħu ħalli l-Partit Nazzjonalista jkun it-tarka tal-Għawdxin u tal-Maltin.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex temm b’messaġġ ta’ kuraġġ u tama li din il-gżira terġa’ ssib kenn fil-Partit Nazzjonalista, meta fl-aħħar stħarriġ ippubblikati fil-gazzetti qed juru li l-ħidma qed tħalli l-frott mixtieq.

Fis-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tkellem ukoll Paul Dimech, ir-Rappreżentant tal-Kumitat Reġjonali fil-Kunsill Amministrattiv, li qal li wasal iż-żmien li l-membri kollha tal-Partit jaħdmu flimkien fl-interess ukoll tal-gżira Għawdxija. Qal li bil-proposti li qed jitħejjew, il-Partit Nazzjonalista jista’ għal darb’oħra jkun il-Partit ta’ Għawdex.

George Cremona, il-President tal-Kumitat Sezzjonali fir-Rabat Għawdex, innota kif il-Partit għadu jagħti l-importanza lil Għawdex u lill-Għawdxin. Qal li wasal iż-żmien biex mil-lum nibdew inħejju d-direzzjoni ċara ħalli l-gżira terġa’ ssir relevanti b’risq l-Għawdxin u l-familji tagħhom.

Kevin Cutajar, Kandidat għall-elezzjoni ġenerali u Kunsillier Lokali fix-Xagħra, qal li bħalma hu jinsab disponibbli għall-Partit Nazzjonalista, bl-istess mod jaf li l-Partit se jibqa’ hemm għal Għawdex. Kompla li hu importanti li l-Partit jkompli jara l-opportunitajiet li l-gżira u n-nies li jgħixu fuqha għandhom x’joffru.

Karl Buttigieg, Kunsillier Lokali fil-Qala, qal li ż-żgħażagħ Għawdxin iridu l-futur tagħhom f’Għawdex stess. Sostna t-twemmin tiegħu li hu biss il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia li jista’ joffri dan, bħalma Gvernijiet Nazzjonalisti kienu ppreżentaw futur bl-investimenti u l-proġetti li kien għamel.

Damien Spiteri, il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Munxar, qal li l-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit li jista’ jbiddel wiċċ il-politika f’pajjiżna. Min-naħa l-oħra, taħt Gvern Laburista, kull Malti u Għawdxi qed jispiċċa jaqta’ qalbu mill-politika.

Kevin Cauchi, Viċi Sindku ta’ Għajnsielem, qal li hekk kif pajjiżna għaddej minn żmien politiku diffiċli, hu importanti li l-Partit Nazzjonalista qed iħares li jfassal il-futur tal-pajjiż flimkien. Kompla li hu tal-mistħija kif minkejja li għaddew ħames snin, Gvern Laburista għadu ma nieda l-ebda proġett f’Għawdex.

Noel Formosa, Sindku ta’ San Lawrenz, qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien il-Partit li stimola u xpruna lil pajjiżna. Tant hu hekk li 15-il sena ilu ħadem bla heda u b’kuraġġ biex Għawdex ukoll seta’ jgawdi bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

U Ryan Mercieca, Kandidat għall-elezzjoni ġenerali, qal li wara ħames snin, għadna qed nistennew dak li wegħedna l-Partit Laburista, fost l-oħrajn billi jgħaqqad u jġib aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Min-naħa l-oħra, kif irid Adrian Delia nnifsu, il-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jibqa’ viċin in-nies ħalli jwassal l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.