Sport Waterpolo

It-tim ta’ taħt id-19-il sena tal-Waterpolo jittama f’kwalifikazzjoni oħra għall-Kampjonat Ewropew

Iż-żgħażagħ Maltin għandhom bżonn tal-anqas żewġ rebħiet biex jikkwalifikaw

Ilbieraħ, it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena ħalla Malta, fejn se jkun impenjat f’tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir lejn tmiem Awwissu fil-Belarus. It-tim ħalla Malta bi vjaġġ lejn Ruma u Trieste, qabel mal-plejers Maltin ikollhom vjaġġ ta’ sagħtejn lejn Ljubljana.

Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo qed jittama li l-konferenza stampa tat-Tnejn li għadda tkun preludju għal kwalifikazzjoni oħra. Izzo saħaq li ma kellux żmien biex iħarreġ it-tim flimkien, iżda jinsab sodisfatt bil-kundizzjoni fiżika tal-plejers speċjalment wara li lagħbu fl-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-xitwa. Nieqes mill-iskwadra se jkun hemm Ben Grech li għażel li ma jkunx meqjus biex ikun fit-tim minħabba l-impenji tal-eżamijiet.

Bħala preparazzjoni ż-żgħażagħ Maltin kellhom sessjonijiet filgħodu f’April kif ukoll partiti ta’ ħbiberija f’pajjiżna mal-Gran Brittanja. Hu jqis lir-Rumanija bħala l-aħjar tim fil-grupp u jemmen li t-tim Malti kapaċi jegħleb lill-Iżvizzera, bl-aktar sfida mistennija tkun kontra s-Slovenja.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran semma li uħud mill-plejers Maltin se jkollhom jagħmlu xi eżamijiet fis-Slovenja illum wara nofsinhar, b’ringrazzjament speċjali għal ġenituri tal-paċenzja biex jassistu lit-tfal.

Ir-referee lokali Massimo Angileri se jkun qed jikkontrolla logħbiet minn grupp differenti f’Manchester, minbarra li ntgħażel bħala referee fil-Kampjonat Ewropew ta’ Lulju li ġej.

It-tim Malti jikkwalifika jekk tal-anqas jirbaħ żewġ konfronti minn tlieta, bl-ewwel tnejn jikkwalifikaw mill-grupp lejn il-fażi finali fil-Belarus.

Skwadra magħżula

Thomas Micallef (San Ġiljan), Jake Bajada (Exiles), Ken Erdogan (Neptunes), Jacob Sciberras (Sirens), Jerome Zerafa Gregory (Sirens), Tristan Said (San Ġiljan), Nikolai Zammit (Neptunes), Liam Galea (Sliema), Jamie Gambin (Sliema), Darren Zammit (San Ġiljan), Mikhael Cutajar (Neptunes), Matthias Azzopardi (Neptunes), Gianni Ciappara (Exiles)

Flimkien mal-plejers Maltin, bħala parti mill-kontinġent hemm il-kowċis nazzjonali Karl Izzo u Anthony Farrugia, il-fiżjoterapista Edward Bonello, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u s-Segretarju Ġenerali tal-ASA Rita Azzopardi.

Il-logħob tat-tim Malti

Għada

Malta v Rumanija           7.00pm

Slovenja v Żvizzera        8.30pm

Is-Sibt 12 ta’ Mejju

Żvizzera v Rumanija      7.00pm

Slovenja v Malta            8.30pm

Il-Ħadd 13 ta’ Mejju

Żvizzera v Malta            10.00am

Slovenja v Rumanija      11.30am