Futbol Sport

Wayne Rooney mistenni jingħaqad ma’ DC United

Il-logħba tal-Ħadd li ġej mistennija tkun l-aħħar waħda għal Wayne Rooney bil-flokk ta’ Everton, hekk kif hu mistenni li jingħaqad ma’ DC United fl-Istati Uniti għal somma ta’ kważi €14-il miljun. Rooney kien diġà viċin li jingħaqad mat-tim tal-MLS sena ilu, qabel mal-Ingliż irritorna f’Goodison Park.

Il-qbil fil-prinċipju tal-kuntratt li jiskadi sa tmiem l-2020 għadu jrid jiġi ffirmat, iżda hu mifhum li d-diskussjonijiet waslu fi stadju avvanzat. Il-Kap Eżekuttiv ta’ DC United Jason Levein, li hu wkoll wieħed mis-sidien ta’ Swansea, jittama li Rooney jsir l-akkwist prinċipali tal-klabb, għall-istadium il-ġdid tagħhom li jinsab fil-qalba tal-kapitali.

Is-salarju ta’ Rooney se jagħmlu l-aktar plejer imħallas f’DC United. Il-klabb għandu wieħed mill-anqas salarji kollettivi fl-MLS, iżda bid-dħul tal-istadium il-ġdid mistenni jiżdied, il-klabb qed iħares li jinvesti fit-talent.

DC United huma mistennija jilagħbu s-seba’ logħbiet li jmiss barra minn darhom, qabel ma jilqgħu lil Vancouver fl-Audi Field Stadium fil-15 ta’ Lulju. Wara din il-logħba, 14 mid-19-il logħba ta’ wara, jintlagħbu f’darhom.

It-trasferiment ta’ Rooney hu mistenni li jkun konfermat fl-10 ta’ Lulju meta jinfetaħ is-suq tat-trasferimenti sekondarju fl-Istati Uniti. Qabel dan iseħħ, Rooney jidher li se jtemm il-karriera fil-futbol Ingliż b’logħba kontra West Ham fil-London Stadium il-Ħadd li ġej.