Il-midfielder ta’ Gżira United Andrew Cohen inkuruna staġun mill-aqwa meta rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFA. Dan isegwi l-unur li rebaħ ftit ġimgħat ilu meta ntgħażel mill-plejers stess biex rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFPA.
Dan l-unur hu r-raba’ wieħed fil-karriera ta’ Cohen li għada jagħlaq 37 sena. Cohen kien rebaħ it-tliet unuri l-oħra bil-flokk ta’ Hibernians fl-istaġuni 2004/2005, 2005/2006 u fl-istaġun 2014/2015.
Gżira United kellhom serata feliċi meta rebħu aktar unuri. Il-kowċ ta’ Gżira United Darren Abdilla rebaħ l-unur Best Coach of the Year. Abdilla kellu staġun mill-aqwa wara li mexxa lil Gżira United għal kwalifikazzjoni fl-Europa League. Hu għeleb lil Paul Zammit ta’ Birkirkara u John Buttigieg ta’ Sliema Wanderers.
Amadou Samb ta’ Gżira United rebaħ l-unur tal-Best Foreign Player of the Year wara li għeleb lil Mislav Andelkovic ta’ Birkirkara u Carlos Eduardo de Fiori Mendes ta’ Balzan.
Il-midfielder ta’ Birkirkara Jake Grech rebaħ l-unur tal-Young Player of the Year wara li għeleb l-isfida tal-attakkanti Jurgen Degabriele u Kyrian Nwoko ta’ Valletta.
L-attakkant ta’ Valletta Matteo Piciollo rebaħ l-unur tal-Aqwa Gowl tal-istaġun. Bil-gowl li skorja kontra Balzan, Piciollo poġġa lil Valletta fil-finali tal-FA Trophy.
Il-finalisti kienu tniżżlu għal ħamsa, bil-finalisti jkunu l-gowls Ignacio Varela fil-logħba bejn (Naxxar Lions v Floriana), Kevaughn Atkinson (St. Andrews v Hibernians), Erjon Beu (Lija A. v Valletta), Tyrone Farrugia (Senglea Athletic v Mosta) u Matteo Piciollo (Valletta v Balzan)
Valletta rebħu l-unur tal-Best Fans Award, unur li ngħata mill-MFA għall-ewwel darba. Il-finalisti l-oħra kienu Birkirkara u Gżira United. Pietà Hotspurs rebħu l-unur tal-Fair Play Award.
Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ta l-President’s Award lil Brian Meilak li waqqaf rekord ġdid b’total ta’ 632 logħba milgħub fil-karriera tiegħu, u lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFA Louis Micallef.
Id-Dipartiment tar-Referees permezz tad-Direttur tar-Referees Kevin Azzopardi ta żewġ unuri lil referees għal karriera tagħhom. L-unuri ngħataw lill-assistent referee Sammy Attard li wara l-karriera ta’ gowlkiper, fl-2003 beda l-karriera ta’ referee.
Azzopardi ta wkoll unur speċjali lil Tonio Brigulio, persuna li beda l-karriera lura fl-1960. Hu kkontrolla l-finali tal-FA Trophy għal disa’ darbiet, b’sitta minnhom ikunu kompetittivi. Brigulio serva wkoll għal sentejn bħala President tal-MFRA u għadu sal-lum joffri l-għajnuna tiegħu lil referees żgħażagħ.
Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena ta’ Pietà Hotspurs Dylan Agius rebaħ l-aqwa plejer tal-Ewwel Diviżjoni. Agius skorja tliet gowls f’24 logħba fl-Ewwel Diviżjoni u għen lil Pietà Hotspurs biex ikunu promossi għall-Kampjonat Premier. Il-finalisti l-oħrajn kienu Paul Chimezie ta’ Mqabba u Yannick Yankam ta’ Qormi.
Il-Kolombjan ta’ Santa Lucia Sebastian Perdomo rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tat-Tieni Diviżjoni. Perdomo skorja 12-il gowl matul il-kampjonat, b’Santa Lucia jkunu promossi għall-Ewwel Diviżjoni wara diversi snin.
Edward John Wileman ta’ Santa Venera Lightnings rebaħ l-aqwa plejer tat-Tielet Diviżjoni. Hu għeleb lil Jack Vella ta’ Mellieħa u Royter Degiorgio ta’ Xgħajra Tornados.
Il-plejer ta’ 33 sena Dorianne Theuma rebħet ukoll l-unur tal-aqwa plejer tal-Kampjonat tan-nisa, wara li għelbet lil kollega Shona Zammit u għeleb lil Alishia Sultana ta’ Birkirkara.
Christian Mercieca rebaħ il-GFA Player of the Year. Il-plejer offensiv ta’ 20 sena għeleb lil sħabu fit-tim taċ-champions Victoria Hotspurs Ferdinando Apap u Adrian Parnis.
Il-Serb ta’ 32 sena Jovica Milijic li jilgħab maċ-champions Valletta rebaħ il-Futsal Player of the Year wara li għeleb l-isfida ta’ Melvin Borg ukoll ta’ Valletta, Marwan Telesi ta’ Mrieħel.
Il-plejer avvanzat ta’ Pietà Hotspurs Jan Busuttil rebaħ l-unur tal-Best Youth League Player. Il-finalisti l-oħra kienu Neil Frendo ta’ Mosta u Connor Zammit ta’ Hibernians.
Waqt is-serata ġew premjati wkoll l-aqwa skorers. Amadou Samb ta’ Gżira United spiċċa l-aqwa skorer tal-Kampjonat Premier b’21 gowl u Paul Chimezie ta’ Mqabba rebaħ l-aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni b’24 gowl.
Ukoll b’24 gowl, Timothy Thomas ta’ Kalkara spiċċa l-aqwa skorer tat-Tieni Diviżjoni. Edward John Wileman b’27 gowl rebaħ l-unur tat-Tielet Diviżjoni. Mill-Kampjonat tan-nisa, Dorianne Theuma rebħet l-unur bi 22 gowl.
//= $special ?>