Lokali Qorti

Envelop bil-kannabis iwassal għal qabda kbira ġo kamra tas-sodda

Envelop b’madwar għoxrin gramma droga kannabis indirizzat għal appartament fil-Qawra wassal għal qabda kbira, ta’ iktar minn żewġ kilo, droga f’kamra tas-sodda ta’ żagħżugħ.

Fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ ta’ Mark Anthony Vassallo ta’ 25 sena mill-Qawra, li fl-1 ta’ Mejju li għadda tressaq il-Qorti akkużat b’pussess aggravat ta’ droga f’ċirkostanzi li tindika li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Fil-Qorti xehdu numru ta’ uffiċjali mit-taqsima ta’ kontra d-drogi dwar l-avvenimenti kif seħħew fl-aħħar ta’ April, meta skwadra minn din it-taqsima intbgħatet tfittex fl-appartament tal-familja taż-żagħżugħ. Fil-kamra tas-sodda tiegħu nstabu żewġ basktijiet – kilo ‘l wieħed – mimlija reżina tal-kannabis, kif ukoll basket ieħor b’aktar minn 90 qartas. Dan apparti ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.

Iż-żagħżugħ qed jinżamm arrestat sakemm issir il-kumpilazzjoni tal-evidenza wara li l-Qorti kienet ċaħdet it-talba għall-ħelsien proviżorju. Hu qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih u għalih qed jidhru l-avukati Franco Debono u Mario Mifsud.