Ambjent Ewropa Lokali

Fażi ġdida tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija

Ħidma biex tittejjeb ir-rata ta’ suċċess tar-riproduzzjoni ta’ dawn l-għasafar

Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta issa daħal fit-tielet sena tiegħu u b’hekk bdiet fażi ġdida ta’ miżuri ta’ konservazzjoni li għandhom il-għan li jindirizzaw il-perikli li qed tiffaċċja l-popolazzjoni tal-Garnija (Yelkouan Shearwater) fil-Gżejjer Maltin.

L-ewwel fażi tal-proġett ġiet fi tmiemha fi tmiem l-2017 u matulha ġew analizzati u assessjati l-popolazzjonijiet tal-Garnija madwar Malta u Għawdex u l-isfidi li dawn qed jiffaċċjaw.

Il-perikli prinċipali li ġew identifikati fil-kolonji fejn ibejtu dawn l-għasafar tal-baħar matul din il-fażi inizjali ta’ studju kienu l-predazzjoni mill-firien, it-tniġġis mid-dawl li jkun ġej minn zoni żviluppati, l-iskart li jitħalla f’dawn is-siti mill-pubbliku u t-tfixkil mid-dgħajjes.

Ibbażat fuq it-tagħrif miġbur tul l-ewwel snin tal-proġett, issa t-tim tal-proġett se jkun qed jimplimenta numru ta’ azzjonijiet ta’ konservazzjoni biex jitnaqqsu dawn ir-riskji, fosthom programm ta’ kontroll tal-firien fil-kolonji ta’ dawn l-għasafar bil-mira li jinħoloq ambjent sikur għal nofs il-popolazzjoni tal-Garnija f’Malta u b’hekk tittejjeb ir-rata ta’ suċċess tar-riproduzzjoni ta’ dawn l-għasafar.

Il-proġett qed jaħdem ma’ msieħba lokali u mal-pubbliku biex inaqqas l-iskart li jitħalla qrib il-kolonji, b’mod partikolari fl-Irdum tal-Madonna u Kemmuna.

Biex tiċċelebra l-bidu tal-fażi l-ġdida tal-proġett, BirdLife Malta nidiet il-video uffiċjali tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija li jelenka l-ħidma kollha li qed jagħmel it-tim biex itejjeb l-istatus tal-konservazzjoni tal-Garnija f’Malta.