Futbol Sport

FILMAT: Arda Turan sospiż 16-il logħba

L-inċident seħħ fil-logħba bejn Istanbul Basaksehir u Sivasspor

Il-midfielder Tork Arda Turan kien sospiż 16-il logħba mill-Federazzjoni tat-Turkija. Hu kien sospiż 10 logħbiet talli attakka lill-assistent referee, tliet logħbiet talli insultah u tliet logħbiet oħra talli heddu.

Turan li bħalissa jinsab b’self ma’ Istanbul Basaksehir mingħand Barcelona, kien immultat ukoll kważi €8,000. Il-logħba ntlagħbet fl-4 ta’ Mejju, b’Istanbul Basaksehir li kienu fil-vantaġġ 1-0 kontra Sivasspor, iżda sofrew gowl lejn it-tmiem li kien importanti fit-tentattivi li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat.

Basaksehir pruvaw attakk finali mal-linja, u Turan ħass li d-deċiżjoni tal-assistent referee marret kontrih u mar dritt lejn l-uffiċjal fejn għajjat f’wiċċu u imbuttah b’idejh it-tnejn. Turan ġie muri l-karta l-ħamra diretta mir-referee u deher ikompli l-protesti tiegħu u hu ħiereġ mill-pitch.

Dan l-inċident seħħ meta l-futbol fit-Turkija għandu quddiemu waħda mill-akbar kriżijiet fl-aħħar snin, wara li x-xahar l-ieħor fis-semifinali tat-Tazza Torka, id-derby ta’ Istanbul bejn Fenerbahce u Besiktas kien abbandunat minħabba vjolenza tal-partitarji.

Il-finali ntlagħbet ilbieraħ b’Akhisar jegħlbu lil Fenerbahce 3-2, wara li Besiktas kienu naqsu li jilagħbu għat-tkomplija tal-logħba abbandunata.