Lokali

Futur politiku mfassal fuq il-ħtiġijiet tan-nies – Adrian Delia, Kap tal-PN

“Xi ħadd qala’ 40 Miljun f’sena waħda biss meta b’dawn il-flus setgħu raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u għan-negozji.”

Din kienet waħda mill-punti prinċipali li tkellem dwarhom il-Kap tal-PN Adrian Delia f’diskors ta’ introduzzjoni fil-Każin tal-PN ta’ San Ġwann, f’waħda mil-laqgħat reġjonali li qed jiġu organizzati bħala parti mill-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Infasslu Futur Flimkien.

Il-Kap tal-PN kompla li l-għan tal-politiku hu li jagħraf il-bżonnijiet tas-soċjetà w għandu l-obbligu li jħejji t-triq għaliha.

Dwar il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, Adrian Delia sostna li għandna nibqgħu niddefendu din il-ħajja.

Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-PN qal li fil-qasam tal-ambjent, f’pajjiżna li sar l-iktar pajjiż fl-Ewropa popolat u mibni mingħajr pjan, bi żvilupp sfrenat u bla kontroll, hemm bżonn li nieqfu u nsaqsu ’20 sena oħra t-tfal tagħna f’liema Malta ser ikunu qegħdin ngħixu?’

F’dan ir-rigward Adrian Delia qal li l-Gvern ibeżża’ li jekk nieqfu nibnu jieqaf in-negozju, iżda dan mhux vera għax jekk wieħed jippjana sew l-investiment jista’ jiġi mingħajr ma jinqered l-ambjent.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-kriminalità u dwar il-biża’ li qed jiffaċċjaw l-anzjani fi djarhom u ż-żgħażagħ fit-toroq. F’dan ir-rigward, qal li l-Korp tal-Pulizija li hu l-inqas imżallas u attrezzat fl-Ewropa għandu Kummissarju li hu nteressat biss li jipproteġi min poġġih hemm.

Il-laqgħa f’San Ġwann tmexxiet mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono.