Għalliema Musulmana fi skola primarja tilfet l-appell biex titwarrab liġi li jipprojbixxi ħaddiema fis-servizz pubbliku milli jilbsu bi stil li jissimbolizza r-reliġjon tagħhom.
Qorti tax-xogħol f’Berlin iddeċidiet li l-liġi tan-newtralità (f’din il-belt, li hi wkoll Stat Ġermaniż) għall-għalliema, il-pulizija u uffiċjali tal-qorti għandha tkun rispettata fuq livell kostituzzjonali.
Dan meta s-sittax-il Stat fil-Ġermanja għandhom liġijiet differenti dwar l-ilbies tax-xalel tar-ras mill-Iżlamiċi fl-iskejjel.
Il-każ fil-kapitali qanqal diversi reazzjonijiet, bid-deċiżjoni tal-qorti tintlaqa’ tajjeb minn Seyran Ates, il-fundatur tal-moskea liberali f’Berlin u li mexxa kampanja biex is-simboli reliġjużi jitħallew barra mill-iskejjel.
Intant, kelliema għan-Network Kontra d-Diskriminazzjoni u l-Islamofobija argumentaw li l-verdett jammonta għal ‘projbizzjoni professjonali’ għall-għalliema involuta. Dan waqt li s-Sindku ta’ Berlin, Michael Muller, esprima appoġġ għal-liġi tan-newtralità fil-kapitali Ġermaniża.
Tliet snin ilu, il-Qorti Kostituzzjonali fil-Ġermanja kienet warrbet projbizzjoni totali għall-ilbies tax-xalel tar-ras mill-għalliema. Il-qorti federali bbażat id-deċiżjoni fuq il-libertà tar-reliġjon, għalkemm ħaddiema maċ-ċivil fil-Ġermanja huma projbiti milli jaħbu wiċċhom kollu b’velu. Iżda filwaqt li l-velu ‘għall-wiċċ kollu’ mhux permess fuq livell nazzjonali, din il-projbizzjoni ma tapplikax għall-hijab li jilbsu n-nisa Musulmani.
Minn dakinhar tal-konferma tad-digriet federali, fl-2015, kull Stat fil-Ġermanja fassal il-liġijiet tiegħu għall-għalliema Musulmani.
L-għalliema Musulmana li tilfet l-appell f’Berlin kienet ilha biss jum taħdem fl-iskola primarja qabel spiċċat ittrasferita għal kulleġġ li jippermettiha biex tilbes ix-xalla tar-ras.
Il-kwistjoni tax-xalla saret issue kontroversjali f’diversi Stati fil-Ġermanja.
Fil-belt ta’ Bremen, l-għalliema huma permessi li jilbsu x-xalel tar-ras, waqt li kwistjonijiet simili kontroversjali huma deċiżi ‘skont il-każ’ fl-Istat ta’ Rhine-Westphalia. Intant, l-awtoritajiet f’dan l-Istat qegħdin jipproponu biex il-bniet Musulmani taħt l-14-il sena ma jilbsux ix-xalla tar-ras fl-iskejjel.
//= $special ?>

