L-għalliema se jkunu sfurzati jibdew jipprintjaw il-materjal li jqassmu lill-istudenti mill-istamperija tal-Gvern.
B’din id-deċiżjoni, l-għalliema mhux se jibqgħu jitħallew jiġbru flus mingħand l-istudenti u jużawhom biex jipprintjaw il-materjal fejn isibu l-irħas.
Net News jinsab infurmat li dwar dan bħalissa għaddej proġett pilota f’xi skejjel li mistenni jestendi għall-iskejjel kollha.
Madankollu din id-deċiżjoni qed issib reżistenza mill-għalliema, li saħansitra talbu lill-unions tagħhom biex jitkellmu f’isimhom.
Għalliema li tkellmu magħna spjegaw li b’din id-deċiżjoni, huma se jkunu sfurzati jgħaddu materjal oriġinali li jkunu ħolqu huma lil terzi persuni li ma jafux min huma.
Dan iġib miegħu riskju, fost oħrajn, li x-xogħol li jkunu ħarġu bih u ħadilhom ħin konsiderevoli biex ippjanaw jiġi kkupjat jew jinsteraq minn ħaddieħor.
Spjegawlna wkoll li meta lmentaw, waħda mir-raġunijiet li tawhom l-awtoritajiet kienet li xogħolhom mhux li jiġbru l-flus mingħand l-istudenti. Apparti li jħossu li dan hu messaġġ ta’ sfiduċja fihom, qalulna li fl-istess waqt huma xorta waħda se jibqgħu jiġbru l-flus għal ħarġiet fost oħrajn.
Din l-informazzjoni waslet għand Net News ftit jiem wara li sar magħruf li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, irċieva kuntratti għal total ta’ €425,000 mindu l-Partit Laburista ħa l-poter fl-2013.
Biss biss matul ix-xahar li għadda Schembri rebaħ tender ta’ €94,000 biex jistalla makkinarju għall-ipprintjar fl-istamperija tal-Gvern, li wkoll taqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan apparti €193,000 oħra f’kuntratti mill-2013 sa llum biex kumpaniji ta’ Keith Schembri jissuplixxu l-karti lill-istamperija tal-Gvern.
Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, qed jitqajmu dubji kemm ir-raġunijiet mogħtija mill-Gvern lill-għalliema huma minnhom, jew inkella jekk din id-deċijoni hix biss deċijoni oħra biex Keith Schembri jiġi aġevolat u jkompli jistagħna.
//= $special ?>
