Lokali

Il-film “Id-Destin” fiċ-ċinemas lokali

Ħafna minn nies jemmnu li dak li hemm miktub għalina ma jħassru ħadd, u hemm oħrajn li jemmnu li d-destin huwa biss skuża li wieħed jista’ iġib lilu nnifsu f’każ ta’ mument iebes.

Il-film Malti “Id-Destin”, huwa bbażat fuq ħajjet Ethan Costa, persuna li l-kurrent tal-ħajja kaxkru u ġarru miegħu għal għonq it-triq; triq li l-istess Ethan Costa xejn ma kien komdu fiha. Dan kollu baqa’ iseħħ sakemm il-ħajja ddeċidiet li tibgħat messaġġ ta’ tama. Messaġġ bl-isem ta’ Aurora Cole.

B’kitba ta’ Clayton Pace, il-film Destin jieħu lill-udjenza mid-dinja tal-ħażen għar-romantiċiżmu, li jrattab qalb l-attur prinċipali u jreġġgħu lura għad-dinja tat-tajjeb. Il-film, proġett ta’ Brighter Image u Mixta Drama taħt id-direzzjoni ta’ Dominic Said, jibqa’ jintwera’ fiċ-ċinemas kollha lokali sa tmiem din il-ġimgħa.

Bil-film li jappella għal udjenza ta’ iktar minn 15-il sena, wieħed jista’ jammira lil ħafna atturi ta’ esperjenza fostom Dorian Micallef, Clayton Zammit, Sandro Vella, Eric Grech, Sonic-J Aquilina, Patrick Bonnici u Ileana Cutajar.