L-awtoritajiet għall-provvista tal-ilma fil-Kenja qalu li d-diga li nfaqgħet din il-ġimgħa u li ħalliet għexieren ta’ mejtin b’konsegwenza kienet waħda ‘illegali’. L-hekk-imsejħa ‘diga tal-mewt’ hi fost diversi digi li jinsabu fiz-zona ta’ razzett kbir, viċin Solai, u madwar 200 kilometru ‘il bogħod mill-kapitali Najrobi.
L-ebda minn dawn id-digi ma għandhom permess skont sorsi mal-Awtorità Kenjana għall-Management tar-Riżorsi tal-Ilma, waqt li sid ir-razzett ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina.
Intant, għadha għaddejja t-tfittxija għal għexieren ta’ nies irrappurtati nieqsa fl-inħawi li ġarrbu l-agħar impatt mid-diga mifqugħa. L-awtoritajiet qed jinkwetaw li – minbarra l-50 katavru kkonfermati s’issa – jista’ hemm għexieren oħra ta’ mejtin.
Nofs il-vittmi huma tfal, bl-awtoritajiet jgħidu li għaddejja investigazzjoni bir-reqqa dwar iċ-ċirkustanzi involuti. Mifhum li rapport dwar ‘il-kawża u l-ħtija tat-traġedja’ li talab l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għandu jitlesta fi żmien ġimgħatejn.
//= $special ?>

