Riċerka li wettaq Andrew Alamango biex isib għanjiet, ilħna u mużika Maltija rekordjati snin ilu minn djar tal-mużika barranin fuq diski kompatti, tejps, kasets u vinyls se jingħataw il-ħajja permezz ta’ kunċert matul din it-tmiem il-ġimgħa ġewwa Teatru Sależjan, tas-Sliema.
L-għan ta’ Alamango huwa li jesponi l-mod kif intiret it-taqbil, l-ottonarju u dan il-leħen li fil-passat serva bħala espressjoni għall-Maltin. Dan għaliex maż-żmien il-Maltin tilfu il-ħtieġa li juża t-taqbil u l-għana fil-ħajja biex jesprimu rwieħhom fil-ħajja ta’ kuljum, partikolarment is-sbuħija f’ħaddieħor.
Irrilevanti jekk il-kelma hijiex miktuba, mitkellma improvizzata jew dokumentati, bħal meta fl-1930 meta kienu jintbagħtu mużiċisti lejn Tunes u Milan biex jirrekordjaw diski antiki, il-kunċett li qed iwelled Alamango jitrażmetti oralment it-tradizzjoni fis-seklu 21 permezz tal-ottonarju.
L-għana fil-produzzjoni se titkanta minn Anġlu Theuma ‘il-Kina’ u Mariele Zammit filwaqt li Frederick Mallia ‘Ir-Re’ se jakkumpanjahom fuq il-kitarra magħhom flimkien ma’ Raymond Schemer ‘Iċ-Ċiranu’ u l-istess Alamango.
Ilħna Mitlufa se jittella’ nhar is-Sibt 12 u l-Ħadd 13 ta’ Mejju ġewwa Teatru Sależjan, tas-Sliema, fit-8 ta’ filgħaxija. Wieħed jista’ jirriżerva post fuq is-sit ta’ Teatru Malta jew mal-bieb tat-Teatru qabel il-kunċert.







