Lokali

Jerġa’ jinqala’ x-xogħol li sar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid

Ġimgħat biss wara li sar pavimentar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, ir-resident qamu mill-ġdid għall-istorbju tal-makkinarju hekk kif l-istess madum li sar reġa’ beda jinqala’.

Għalkemm mhux magħruf għalxiex dan il-madum ġdid reġa’ tkisser, il-Ġimgħa fil-pjazza dehru l-ħaddiema li bil-makkinarju bdew iħaffru mill-ġdid.

Mal-art jidhru wkoll sinjali minn fejn beda t-tħaffir mill-ġdid għal matul il-Pjazza Antoine de Paule, liema sinjali jindikaw li x-xogħol li jrid isir mhux sempliċiment żewġ ħofriet.

Il-wegħda li jsir dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid ilha li saret mill-2015 u kien imħabbar minn Helena Dalli f’April.

Dakinhar kien intqal biss li t-tlestija tal-proġett kellu jkun qabel l-elezzjoni ġenerali li kellha ssir din is-sena iżda l-elezzjoni antiċipata ilha sena li għaddiet u għal perjodu twil ir-residenti kienu lmentaw li l-Pjazza tħalliet fi stat diżastruż mingħajr xogħol fiha għal xhur sħaħ.

L-ilmenti tant ippersistew li l-Gvern kellu mill-ġdid joħroġ data ġdida ta’ tlestija, qabel il-festa ta’ Kristu Re li ssir f’Ġunju. Madankollu wieħed irid jara jekk dan ix-xogħol ġdid biex jinqala’ xogħol lest hux se jerġa’ jipposponi t-tlestija tax-xogħol.

Sadattant fl-istess waqt għaddej ukoll xogħol ta’ tqattiegħ ta’ gandott quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, iktar ‘il fuq mill-Knisja ta’ Raħal Ġdid.

Għal dawn ix-xahrejn filfatt hemm tliet toroq, Triq Luqa, Triq Tarxien u Triq il-Palma li jinsabu magħluqa kompletament għat-traffiku b’aċċess speċjali għaċ-Ċentru tas-Saħħa.