Edukazzjoni Għawdex Lokali

“L-appartementi tal-istudenti saru qishom kerrejja tal-Brażil” – studenta Għawdxija

L-istudenti Universitarji Għawdxin jappellaw lill-awtoritajiet biex ma jibqgħux jitrattawhom ta' tfal

“Kirjiet li qed jiżdiedu. Żewġ vapuri bil-ħsara. Studenti trattati ta’ tfal”.

Huma dawn il-problemi kbar li semmew il-Grupp tal-istudenti Universitarji Għawdxin (GUG) fi stqarrija iebda maħruġa tard ilbieraħ bil-lejl fejn tefgħu dawl fuq ir-realtajiet koroh li qed jiffaċjaw l-istudenti Għawdxin li jattendu l-Universita’ ta’ Malta u l-Junior College.

L-istqarrija tagħmel referenza għal post fuq Facebook illi inkiteb minn studenta Għawdxija li ddeskriviet il-martirju li qed jiffaċjaw l-Għawdxin meta jiġu biex jikru qrib l-Universita’. Hi qabblet l-appartamenti tagħhom ma’ xi kerrejja fil-Brażil, bil-kumment tagħha jiġbed mewġa kbira ta’ reazzjonijiet fuq il-media soċjali. B’ħafna jistqarru li ma jistgħux ilaħħqu ma’ dawn il-kirjiet eżaġerati.

Il-GUG tgħid ukoll illi r-rabja tal-istudenti kompliet tikber meta raw il-kaos li hemm fil-Gozo Channel bħalissa. Fil-fatt, preżentament hemm biss vapur wieħed li qed jaħdem sew. Bastiment ieħor tal-Gozo Channel qed jissewwa, filwaqt li t-tielet vapur għadu bil-ħsarat fil-bieba. B’konsegwenza li qed jintilef ħafna ħin fit-traġitti bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-GUG qed tappella lill-Gvern biex ma jitrattawhomx ta’ tfal, imma ta’ studenti li se jkollhom rwol fis-soċjeta’ fis-snin li ġejjin.

Intant, ilbieraħ il-Gozo Business Chamber ukoll esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel. Dan intqal fi stqarrija iebsa fejn intqal illi din is-sitwazzjoni qed tkun ta’ detriment għan-negozju f’Għawdex.

“Iż-żmien tal-konsultazzjoni spiċċa. Il-Kamra tal-Kummerċ trid azzjonijiet drastiċi u immedjati”.